Lejlet ġurnata skola bħall-oħrajn, wara li nstabet soluzzjoni u mhux se jsir l-ebda strajk mill-għalliema, il-Prim Ministru Joseph Muscat wera d-dispjaċir tiegħu għall-mod kif l-għalliema kienu fil-mira ta’ abbuż fl-aħħar jiem.
Bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni għall-għalliema, għall-ġenituri u fuq kollox għall-istudenti, il-Mexxej Labursita qal li jittama li fil-ġimgħat li ġejjin ikun hemm diskussjonijiet li jħallu l-frott biex mhux biss jintlaħaq ftehim dwar it-tliet abbozzi ta’ liġi, imma dwar kwistjonijiet oħra li jista’ jkun li qed idejqu lill-edukaturi.
Spjega kif soluzzjoni bħal din ma setgħetx tiġri kieku dan kien Gvern supperv, u b’dan il-mod dan il-Gvern qed juri l-umiltà tiegħu – li dejjem lest li jisma’ u jiddiskuti.
Fakkar kif dan il-Gvern ta lill-edukaturi dak li ħafna Gvernijiet oħra ċaħħadhom minnu. Ftehim kollettiv li mhux perfett iżda jagħti d-dinjità lill-għalliema b’mod tanġibbli.
Fi tmiem ġimgħa li kienet importanti ħafna għal pajjiżna – li matulha sar summit dwar teknoloġija innovattiva li laqqa’ taħt saqaf wieħed mal-4,000 persuna, il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern qed ikun innovattiv.
Qal li qed noħolqu settur fejn diversi kumpaniji qed jiġu japplikaw għal-liċenzji biex iħaddmu n-nies f’pajjiżna.
B’dan il-mod qed tinħoloq sistema li qed nagħmlu pjan għall-futur u għat-tfal li għada sejrin l-iskola. Li meta joħorġu biex jaħdmu, ikollhom quddiemhom għażla ġdida ta’ qasam li se jkun l-għira tad-dinja.
Qal li dan huwa biss l-ewwel pass hekk kif dan il-Gvern diġà qed iħares lejn setturi oħra – bħal dak tal-intelliġenza artifiċjali, u hawnhekk qal li minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra se jitħabbar l-ewwel pass f’dan il-qasam.
Din il-ħidma twassal għall-għażla li se jkollu quddiemu l-poplu fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej. Għażla bejn passat u futur li tmur lil’hinn minn kwistjonijiet frivoli.
Il-Prim Ministru qal li dak li jimlieh bil-fiduċja huwa li l-Partit Laburista għandu tim ta’ kandidati – kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Kunsilli Lokali, li huma nies kompetenti li qed jitkellmu u jisimgħu lin-nies.
Qal li l-elezzjonijiet ta’ Mejju se jkunu mument ieħor ta’ għażla bejn passat u futur, u hawnhekk il-Prim Ministru inkoraġixxa l-folla mdaqqsa li nġrabet biex tisma’ l-messaġġ tiegħu fiċ-Ċentru Laburista taż-Żejtun biex flimkien issir ħidma ħalli l-familji Maltin u Għawdxin jagħżlu lil Malta ta’ Għada.