Quddiem folla ta’ nies mill-isbaħ li attendiet bi ħġarha għall-Mass Meeting tal-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela nnota id-differenza fil-ħidma bejn iż-żewġ Partit politiċi b’rabta ma’ pajjiżna.
Beda billi fuq naħa rrimarka kif barra minn xtutna, Gvern immexxi mill-Partit Laburista żamm dejjem mal-poplu Malti l-ewwel u qabel kollox.
Dan hu Gvern u Partit li dejjem poġġa lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox – dejjem u kull fejn konna – mingħajr kompromessi. Meta mmorru barra, nissieltu biex inġibu aktar għall-poplu tagħna. U fejn dak li ġej minn barra ma jgħoddx għall-familji u n-negozji tagħna, inkunu sodi u ngħidu le. U nkunu kburin li ma naqblux. Ħaddieħor – jitriegħed u jogħtor meta l-Ewropa titkellem fuq l-għajnuna tal-enerġija u tghidilna li rridu nwaqqfuha.
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru ma waqafx hawn hekk kif aċċenna għar-riżultati ta’ Gvern Laburista lokalment frott ħidma li ma taqta’ xejn.
Fil-ġimgħat li ġejjin mentri madwar l-Ewropa in-nies mgħaffġa bil-piżijiet, intom hawn Malta se taraw ħemel ta’ żidiet. Għall-ħaddiema tas-settur pubbliku – żidiet fil-pagi. Għall-pensjonanti – żidiet fil-pensjoni. Għall-ġenituri bi tfal li qed ikomplu jistudjaw, benefiċċju ġdid ta’ €500 fis-sena għal tlett snin. Daħħalna l-carer’s leave, daħħalna l-parental leave, u żidna l-paternity leave. Ħaddieħor ħadilkom il-festi pubbliċi, aħna tajnihom kollha lura. Żidna ċ-children’s allowance. Ħaddieħor naqqasha kien. Dħalna għalikom biex tonqos l-inflazzjoni. Ħaddieħor kien l-akbar kaġun hu tal-għoli tal-ħajja. Jekk tibqgħu tisilfuni l-fiduċja tagħkom, se nkompli naħdem għalikom.
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela fakkar ukoll kif anke fuq livell Ewropew b’differenza għall-politika tal-Partit Nazzjonalista u l-grupp politiku li jappartjeni għalih, Malta baqgħet il-promutur ewlieni tal-paċi.
Ma nistgħux nistrieħu bit-tajjeb li għandna jekk wara biebna qed imutu n-nies innoċenti. Ma nistgħux nistrieħu jekk madwarna hemm popli li qed jaqbdu l-armi għal xulxin. Ser naħdmu biex inġibu lill-partijiet differenti mal-mejda u nużaw l-għodda tad-diplomazija, mhux billi narmaw aktar lil xi naħa jew oħra. Il-politika tagħna kienet, għadha u se tibqa: Paċi, paċi u paċi.
Robert Abela – Prim Ministru
Intant, filwaqt li aċċenna għall-legat b’saħħtu ta’ ħidma ta’ Gvern Laburista, il-Mexxej Laburista sostna li dan il-partit għandu l-ideat favur pajjiż sabiħ bi kwalità ta’ ħajja mill-aqwa.
Qed inwettqu proġetti f’kull rokna ta’ Għawdex u Malta. Fl-aktar żoni urbani – fejn identifikajna, u ser inkomplu nidentifikaw, artijiet li ser isiru spazji miftuħa, minflok jinbnew. Fil-ġonna u l-parks tagħna. Għandna lista twila ta’ proġetti. Fejn jidħlu s-servizzi, ħemel t’inizjattivi li ddaħħlu biex jaqdu n-nies fil-komunità. Dan huwa l-legat ta’ Gvern Laburista.
Robert Abela – Prim Ministru
B’hekk il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi sostna li dan jibqa’ l-moviment li huwa l-garanzija ta’ progress għall-poplu Malti u Għawdxi.
Għalhekk sostna li mill-ġdid fit-tmienja ta’ Ġunju, reġa’ għandu bżonn l-għajnuna tal-poplu kollu.
Ibqgħu flimkien magħna. Sibtkom miegħi fl-agħar sfidi. Tafu x’kienu! U tafu kif flimkien għelibnihom kollha. Issa reġa’ għandi bżonn l-għajnuna tagħkom. Kunu intom li tatu s-saħħa lil dan il-moviment ħalli nkomplu t-triq ta’ suċċessi li ksibna lkoll flimkien. Ejjew nitilqu minn hawn b’għan wieħed. Li fejn hemm l-apatija, nibdluha f’enerġija. Ejjew nikkonvinċu aktar u aktar nies biex jingħaqdu magħna. Għax Malta tagħna jixirqilha tkompli tirnexxi. Bikom warajna konvint – li għal darba oħra nagħtu. Is-Saħħa lill-ħaddiema. Is-Saħħa lill-Għawdxin. Is-Saħħa lil Maltin.
Robert Abela – Prim Ministru