Riformi u soluzzjonijiet. Kienu dawn it-temi ewlenin f’kollegament fuq ONE Radio li għamel dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Mistoqsi dwar l-ewwel sena ta’ ħidma parlamentari, Joseph Muscat, irrefera għal numru ta’ riformi li saru. Iżda emfasizza li fix-xahrejn li ġejjin il-Gvern mhux se jieqaf hekk kif hemm iktar riformi qed jistennew biex jitwettqu.
“Kienet sena rekord għal bidu ta’ leġiżlatura. Mhux biss fin-numri iżda fil-kwalità ta’ liġijiet,” qal Joseph Muscat li rrefera għal liġijiet bħal żwieġ indaqs u dik kontra l-vjolenza domestika, il-kannabis mediċinali u t-tisħiħ tal-qasam tal-IVF.
Fisser kif għaddew 45 liġi ġdida u esprima s-sodisfazzjon għas-sehem tad-deputati Laburisti biex intlaħaq dan il-għan. “Irrid nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi. Nirringrazzja l-parlamentari tiegħi li qed imexxu din l-aġenda progressiva u riformista,” qal Joseph Muscat li kien hawn fisser kif tul dawn ix-xahrejn se jkomplu jitħejjew ir-riformi. Tant li hemm lista sħiħa ta’ riformi li l-gvern irid ikompli jmexxi anke fil-parlament ladarba jerġa’ jibda jiltaqa’.
Mistoqsi dwar il-liġijiet li qed jirregolaw setturi ġodda fid-dinja finanzjarja u teknoloġika, Joseph Muscat fisser kif qabel kellna dawn il-liġijiet f’posthom l-ikbar kumpaniji diġa’ trasferixxew ruħhom f’Malta. “Kont diġa’ fil-launch tal-ewwel prodott finanzjarju relatat ma’ dan il-qasam u fil-jiem li ġejjin se jkun hemm oħrajn. Dan mhux biss se joħoloq impjiegi ta’ kwalità… ninsab sodisfatt li dan il-pjan irnexxielna nwettquh fi żmien qasir ħafna. Prattikament f’sena waħda biss,” qal il-Prim Ministru li fisser kif b’dan il-pjan se jinħolqu wkoll impjiegi għal ġenerazzjoni li jmiss.
Mistoqsi dwar it-taħdidiet mal-MUMN, Joseph Muscat, irringrazzja d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għan-negozjati li mexxa mal-unjin tan-nurses.
Qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni toħroġ tipprova tirkeb fuq l-ewwel intopp il-gvern jara x’inhi l-kwistjoni u jaħdem biex isolviha. “L-oppożizzjoni ma tantx għandha kredibbiltà,” qal Joseph Muscat li fisser kif il-gvern Nazzjonalista kien daħħalha f’moħħu li hawn biżejjed infermiera. Fil-fatt irrefera għal bidla politika f’dan il-qasam u saħansitra l-ftuħ ta’ skola ġdida għall-infermiera.
“Pass wara ieħor il-gvern iwassal għal soluzzjonijiet mingħajr ħafna storbju,” żied Joseph Muscat li fisser kif dan hu dak li ġara wkoll fil-każ tal-bastiment MV Lifeline.
“Ġimgħa biss wara li seħħ il-każ diġa’ kellna iktar minn 50 ruħ li marru Franza. Turi li dan il-gvern mhux biss hawn Malta jpoġġi madwar mejda u jsolvi l-affarijiet. Aħna qed insegwu wkoll dak li għaddej fil-qorti fil-każ tal-Lifeline, għax dan każ li ġara minħabba kaptan li m’obdiex ordnijiet. Aħna qed nistennew deċiżjonijiet indipendenti li jieħdu l-qrati tagħna f’dan ir-rigward,” stqarr il-Prim Ministru li fisser kif sal-aħħar jiem il-Forzi Armati Maltin kienu impenjati f’salvataġġ ta’ iktar persuni fl-ibħra tal-Mediterran kif ikunu ta’ kuljum.
“Min jipprova jgħid jew juri li l-Forzi Armati ta’ Malta mhux jgħamlu xogħolhom maqtugħ mir-realtà,” temm Joseph Muscat.