Għada se jkun jum storiku għal pajjiżna hekk kif l-emenda dwar Abbozz ta’ Liġi numru 28, maħsuba biex tassigura ħajjet u saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala, se tgħaddi mill-proċess Parlamentari.
Għada l-Parlament se jkun qed jivvota dwar din l-emenda, li tressqet il-Ġimgħa u għaddiet mill-kumitat Parlamentari lbieraħ.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, f’intervista fuq ONE Radio mal-ġurnalist Samuel Lucas.
Il-Prim Ministru qal li, wara numru ta’ laqgħat fl-aħħar xhur, pajjiżna wasal għal punt ta’ konverġenza u l-prinċipju baqa’ l-istess wieħed: il-ħarsien tal-mara.
Qal li l-Gvern mexa fuq is-sitwazzjoni reali fil-pajjiż u anki fuq il-parir tal-Avukat tal-Istat, li wera li omm prospettiva u anki professjonist mediku setgħu jispiċċaw quddiem il-Qrati f’każijiet fejn tittieħed azzjoni f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji.
Il-Prim Ministru qal li ma setax jaċċetta sitwazzjoni fejn omm titħalla tasal f’xifer il-mewt biex tittieħed azzjoni.
Dr Abela qal li, tul dawn l-aħħar xhur, il-Gvern tkellem ma’ bosta partijiet dwar din l-emenda u ta widen għall-fehmiet kollha.
Il-Mexxej Laburista fakkar li, meta tressqu l-emendi, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet qalet li l-affarijiet kien messhom baqgħu kif kienu.
Iżda qal li, minkejja li għad hemm min mhux jaqbel ma’ din l-emenda, il-konsensus ġenerali huwa favurha.
Huwa fakkar li fl-aħħar ġimgħat kien hemm sentenza fil-Qrati – li ddeskriviha bħala “xokkanti” – li ma tantx ġiet diskussa. Mill-Qorti ħareġ li t-tfajla kienet f’relazzjoni abbużiva u kien is-sieħeb tagħha li rrapportaha. Qal li minħabba l-liġijiet kif inhuma bħalissa din l-omm prospettiva kellha titressaq quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li din l-emenda hija ċara dwar meta l-professjonisti jistgħu jaġixxu u anki kif jaġixxu, filwaqt li jkollhom il-konfort legali.
Waqt din l-intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem dwar emenda oħra li se titressaq fil-Parlament, did-darba biex tkompli tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika. Huwa qal li l-Gvern qed jaġixxi għax l-ebda artist m’għandu jitressaq il-Qorti minħabba kumment satiriku.
Dr Abela sostna li dan il-Gvern huwa u se jibqa’ sinonimu mar-riformi.