“Waqt li noffru ċ-ċertezza u l-istabbilità permezz tal-għajnuna li qed nagħtu fl-enerġija, se nkunu ta’ spalla għal kull proġett li jħaddan is-sostenibbilità.”
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta żar il-kumpanija Angelo Aquilina Refrigeration Supplies Ltd.
Fiż-żjara fl-istabbiliment tal-kumpanija li tħaddem tletin ruħ u li fl-aħħar snin wettqet investiment ta’ sitt miljun ewro, fosthom fit-taħriġ tal-ħaddiema, il-Prim Ministru nnota wkoll kif il-kumpanija għandha prodotti li jħarsu l-ambjent u li jintużaw f’diversi oqsma.
Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jkun wara kull investitur li jinvesti fil-prijoritajiet li għandu pajjiżna.
Mat-tmexxija tal-kumpanija, il-Prim Ministru saħaq dwar kif fir-rinnovabbli pajjiżna għandu fejn jagħmel u jimraħ iżjed.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri.