Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela qal kif meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra – li bosta reġgħu marru għal lockdown – f’Malta qed ngħixu n-normalità.
Il-Prim Ministru spjega r-realtà xejn faċli li qed jgħixu dawn il-pajjiżi bħalissa, bi ħwienet u ristoranti magħluqin u toroq kompletament vojta.
Huwa stqarr: “Meta napprezzaw u nifhmu dawk ir-realtajiet inkunu verament nistgħu napprezzaw kemm qegħdin tajjeb f’pajjiżna. Dawn huma r-realtajiet li ma jista’ jmerihom ħadd. Ħarsu lejn Franza, l-Awstrija araw x’qed jiġri lockdowns kullimkien magħluq u aħna f’pajjiżna b’numru ta’ restrizzjonijiet – maskri, distanza soċjali – imma relattivament ikkumparat ma’ pajjiżi oħra qegħdin ngħixu f’normalità.”
Il-Prim Ministru saħaq li minkejja l-effetti li ġabet magħha l-pandemija, Gvern Laburista xorta baqa’ jaħseb fin-nies.
Dr Abela qal: “F’nofs pandemija, wara budget fejn qassamna u l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomiku, bgħattna ċekkijiet f’ammont ta’ 11-il miljun minħabba inġustizzji tal-passat.”
Il-Prim Ministru saħaq li dan huwa Gvern li jrid ikompli jkabbar l-ekonomija bla ma jdaħħal taxxi ġodda.
Gvern li jgħin liż-żgħir jitla’ ‘l fuq. Il-Prim Ministru Abela tenna: “In-nies qed jagħrfu li dan il-Gvern jifraħ bis-suċċess tagħhom u min ma għamilx dan is-suċċess għax ma jistax, dawk il-faxex soċjali t’isfel fis-soċjetà tagħna rridu ninċentivawh biex jitla’ ’l fuq. Ma tagħmilhiex dik biex iddaħħal l-għira, tagħmilha billi tkun sensittiv.”
Dr Abela nnota kif f’Malta u Għawdex, xahar wara xahar qed jonqos il-qgħad u grazzi għall-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, kuljum tmien persuni qiegħda, sabu xogħol.
B’ton ta’ tama għall-futur, il-Prim Ministru qal li kull ġurnata li tgħaddi, qed tqarreb għaż-żmien meta jkollna vaċċin kontra l-COVID-19.
Il-Prim Ministru Abela saħaq: “Qed naraw il-prospetti dwar vaċċin kemm huma sbieħ. Kemm nieħu pjaċir li dan il-mument dejjem qiegħed joqrob u għalhekk f’dan il-perjodu qasir li fadal sa dik id-data ta’ dożi ta’ vaċċin illi bihom nistgħu nlaqqmu lill-popolazzjoni. Ejja ħalli nibqgħu solidali, nibqgħu kumpatti flimkien.”
Intant, indirizzat din l-attività politika Dr Maria Brown, iċ-Chairperson tal-forum tal-mitt idea tal-Partit Laburista li qed jaħdem biex is-soċjetà timxi ’l quddiem.
Hija saħqet kif il-Partit Laburista huwa kommess li jaħdem favur l-inklussività, u fil-mitt sena tiegħu, pprattika l-vulnerabbiltà kostruttiva.