Dan huwa gvern riformista li fl-aħħar sitt snin għamel diversi riformi legali sabiex is-sistema legali Maltija ssir kontemporanja mal-istandards legali li tirrispetta u taġixxi mas-saltna tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poter.
Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici f’laqgħa tal-Kumitat dwar affarijiet legali u drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu.
Il-Ministru Bonnici qal li fl-aħħar sitt snin saru diversi riformi fosthom:
- It-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq il-politiċi
- Id-dħul ta’ liġijiet tal-finanzjament tal-partiti u tal-whistleblower
- It-twaqqif tal-kumitat li jiskrutinizza il-ħatriet fil-ġudikatura u t-twaqqif ta’ kumitat parlamentari dwar il-ħatriet pubbliċi
- Liġi ġdida dwar il-midja u d-defamazzjoni
Matul dan iż-żmien Malta ssieħbet fl-uffiċju tal-prosekutur pubbliku Ewropew, daħħlet mekkaniżmu biex jirkupra assi ġejjin minn sorsi lleċiti kif ukoll l-introduzzjoni tat-tielet qorti tal-appell sabiex kawżi ġudizzjarji jinqatgħu iktar malajr.
Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Ministru Bonnici qal li f’inqas minn 50 jum ta’ investigazzjoni mill-Pulizija Maltija assistita minn diversi aġenziji fosthom l-FBI, il-Europol u l-Awtoritajiet Olandiżi u Fillandiżi, tressqu l-Qorti tliet persuni akkużati li wettqu dan l-att barbaru. Qal ukoll li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin sabiex jiġi stabbilit min ordna l-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. Din turi s-serjetà meħtieġa sabiex l-investigazzjoni tgħaqqad il-biċċiet kollha dwar dan il-każ.
F’dan l-isfond, il-Ministru Bonnici qal li pajjiżna beda l-proċess biex jimplimenta l-konklużjonijiet tal-Kumissjoni Venezja, fosthom dik li jinqasmu l-funzjonijiet tal-avukat u prosekutur ġenerali f’żewġ uffiċji distinti minn xulxin.