Ir-riforma fil-qasam tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji li l-Gvern qed jikkonsulta dwarha hija konferma oħra kemm il-Partit Laburista mill-Gvern huwa l-unika forza politika li għandu l-kuraġġ li jġib il-bidla għall-aħjar f’pajjiżna, inkluż fis-settur tal-ġustizzja.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif din se tkun riforma oħra li ebda gvern ieħor qatt ma kellu l-kuraġġ iwettaq u l-konsultazzjoni hija maħsuba biex finalment ikun hemm l-iktar riforma b’saħħitha possibbli.
Il-Partit Laburista nnota li kien biss wara li l-Gvern ressaq ’il quddiem din ir-riforma għad-diskussjoni pubblika, li l-Partit Nazzjonalista sab il-kuraġġ li kien naqsu meta kien fil-Gvern, biex jitkellem dwar tibdil fis-sistema Ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
“Gvern Laburista huwa determinat li jkompli jwettaq riformi storiċi f’dan is-settur, inkluż bit-twettiq tal-proposti inklużi fil-manifest elettorali Malta Flimkien, li tiegħu l-pajjiż tana mandat b’saħħtu, li jinkludu fost l-oħrajn ir-riforma fil-kamp tal-inkjesti maġisterjali bil-ħolqien ta’ sezzjoni fi ħdan il-maġistratura li tispeċjalizza fl-inkjesti, l-indirizzar tad-dewmien fil-qasam tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ tibdil fis-sistema tar-riferenzi u reviżjoni sħiħa tal-proċedura użata quddiem il-Qorti tal-Familja” żied jgħid il-Partit Laburista.
Intqal kif huwa hawnhekk li tispikka d-differenza bejn iż-żewġ partiti. Għax Gvern Laburista huwa wieħed li jaġixxi u qiegħed bil-fatti jinvesti bla preċedent fis-settur tal-ġustizzja, fejn illum mhux biss għandna l-akbar numru ta’ membri tal-Ġudikatura u impjegati fil-Qorti, imma wkoll l-akbar investiment fl-infrastruttura fizika b’żieda ta’ aktar uffiċini u awli, u investiment diġitali ta’ aktar minn €10 miljun fil-Qrati bi strateġija bbażata fuq medda ta’ 5 snin.
L-istqarrija temmet tgħid kif Gvern Laburista jibqa’ kommess li jieħu d-deċiżjonijiet kuraġġużi, iressaq aktar riformi u jwettaq il-pjan ta’ ħidma ta’ Malta Flimkien.