Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela organizza laqgħa ma’ numru ta’ ommijiet li ffaċċjaw jew qed jiffaċċjaw sfidi u opportunitajiet diversi tul ħajjithom.
Matul din il-laqgħa, l-ommijiet tkellmu mal-ministru u qasmu l-esperjenzi tagħhom, li jvarjaw minn omm li tilfet lil bintha, omm ta’ tifla b’marda rari, omm li adottat lil binha, omm ta’ tifel bid-down syndrome, omm li tilfet it-tarbija qabel it-twelid, omm ta’ tifel li hu marid bil-kanċer, kif ukoll omm li saret omm permezz tal-IVF.
Minn din il-laqgħa ħareġ kif minkejja kull sfida, l-omm tibqa’ tistinka kemm fil-ħajja personali u dik professjonali sabiex tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha.
Il-Ministru Abela sostna li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jixpruna l-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol.
Semma kif fl-aħħar tmien snin il-gvern introduċa miżuri f’dan il-qasam li wasslu biex tiżdied ir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ nisa fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna meta mqabbel mal-medja Ewropea. Fost dawn il-miżuri kien hemm iċ-childcare b’xejn, l-in-work benefit, tax credits għal ommijiet li jirritornaw jaħdmu wara t-twelid ta’ tarbija, u ċ-child bonus ta’ €300.
Il-Ministru qal li din il-ħidma se tkompli billi naħdmu sabiex tiddaħħal fil-liġi Maltija d-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, miżura li filwaqt li se żżid il-produttività, ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji.
Miżuri bħal kumpens għal-leave tal-ġenituri, l-introduzzjoni ta’ ħamest ijiem leave għall-indukrar tal-membri tal-familja, kif ukoll tisħiħ fis-servizz tal-IVF, huma miżuri maħsuba ħalli nagħtu drittijiet u benefiċċji lill-familja. Barra minn hekk, se tkompli tkun segwita d-diskussjoni fil-livell Ewropew dwar id-dritt għall-iskonnessjoni.