“Fejn tidħol ekonomija, ma tantx għandek sitwazzjoni ta’ brejkijiet. Fl-ekonomija għandek il-clutch u l-gass u trid tirregola lilek innifsek f’dak ir-rigward,” sostna l-Prim Ministru waqt intervista dalgħodu fuq ONE Radio meta mistoqsi dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Qal li jekk tnaqqas it-tkabbir ekonomiku, l-ikbar daqqa se jaqlgħuha l-middle class u ż-żgħir.
Tkellem ukoll dwar inizjattivi frott ta’ dan it-tkabbir bħar-rifużjoni tat-taxxa.
“Aħna nkabbru l-ekonomija, imbagħad inqassmu l-frott ta’ dik l-ekonomija,” kompla Muscat filwaqt li wera biċ-ċar li l-għan ewlieni ta’ dan il-gvern issa hu li jimmira għall-surplus ieħor.
Il-Prim Ministru assigura wkoll li l-baġit li se jitħabbar fit-22 ta’ Ottubru se jkun totalment l-oppost ta’ dak li kien iħabbar gvern Nazzjonalista.
“B’differenza, fejn qabel id-diskussjoni kienet tkun dwar x’se jgħolli, din id-darba, id-diskussjoni tkun b’kemm ħa jżidna,” temm Muscat.