Taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, permezz tal-impjant tal-heavy-fuel oil, kien qed jinħaraq fix-xejn l-ammont ta’ madwar mitt miljun ewro fis-sena.
Dan intqal minn David Galea, li kien Project Manager tal-proġett Electrogas, waqt seduta tal-Kumitat parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jiddiskuti l-kuntratt tal-Electrogas.
Qal kif, “Kien hemm ħela b’żejt jinħaraq fix-xejn ta’ madwar €100 miljun fis-sena, bejn wieħed u ieħor.”
Il-heavy-fuel oil, l-aktar żejt li jniġġes kien il-kawża wkoll ta’ mard respirtatorju.
Il-project manager tal-proġett tal-Electrogas qal kif l-Enemalta kienet kumpanija falluta, filwaqt li l-prezzijiet tal-heavy-fuel oil kien jammonta għal sebgħin fil-mija tal-operat tal-Enemalta.
Galea spjega ukoll kif Gvern Nazzjonalista rċieva pariri ċari minn esperti biex jeqleb għall-gass għax anki hekk kien jaqbel finanzjarjament.
Dan baqa’ qatt ma seħħ taħt Gvern Nazzjonalista.
David Galea saħaq ukoll li mingħajr il-powerstation li taħdem bil-gass ma setgħux jorħsu l-kontijiet tad-dawl u lanqas tagħlaq il-powerstation tal-Marsa.
Hawnhekk semma kif din tal-Marsa kienet tniġġes ħafna u inżammet taħdem minkejja li din kienet teknikament skaduta.
Intant fil-laqgħa spikka l-atteġġjament aggressiv min-naħa tal-Oppożizzjoni fejn f’mument minnhom id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qabad u sabbat dokument quddiem ix-xhud.