“Dan il-Gvern huwa miftuħ għall-iskrutinju, fosthom tal-midja, għax b’hekk biss nistgħu nassiguraw li t-tmexxija tibqa’ b’saħħitha.”
Kien b’dan il-mod skjett li l-Prim Ministru Robert Abela bagħat messaġġ ċar f’laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fejn elenka l-ħidma li wettaq il-Gvern fl-aħħar xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ governanza tajba u saltna tad-dritt.
Il-Prim Ministru qal li sa mill-bidu tat-tmexxija, bagħat messaġġ ċar li l-governanza tajba kienet se tkun ta’ prijorità assoluta għal dan il-Gvern. Semma kif id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-ewwel ġimgħat kienu kruċjali biex intbagħat sinjal b’saħħtu lejn trankwillità li f’pajjiżna kien hawn għatx kbir għaliha.
Dr Abela qal li dan il-Gvern ma ħares lejn wiċċ ħadd u ħa kull deċiżjoni meħtieġa għaliex ma ssugrax jitlef il-ġid ekonomiku u soċjali li nħoloq fl-aħħar snin. Tfasslu riformi bla preċedent imsejsa fuq żewġ elementi ewlenin, id-dixxiplina u s-serjetà.
Fakkar kif fil-viżjoni li nieda għal pajjiżna għall-għaxar snin li ġejjin f’Awwissu li għadda, waħda mill-ħames pilastri ewlenin hija proprju l-governanza tajba.
Il-Prim Ministru qal li r-riformi kbar li saru fl-aħħar xhur, intlaqgħu b’mod pożittiv mill-Kummissjoni Venezja u mill-Kummissjoni Ewropea. Riformi li mhux biss saħħew is-saltna tad-dritt imma r-reputazzjoni ta’ Malta barra minn xtutna u l-kredibilità ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru aċċerta lil dawk preżenti li r-riformi se jibqgħu għaddejjin u baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex tissaħħaħ il-ġlieda ta’ Malta kontra l-kriminalità organizzata u r-reati finanzjarji, u għal dan il-għan hemm investiment fl-istituzzjonijiet biex ikunu effettivi aktar minn qatt qabel.
Dr Abela temm billi saħaq li dan il-Gvern huwa miftuħ għall-iskrutinju għax b’hekk biss nistgħu nassiguraw li t-tmexxija tibqa’ b’saħħitha u qal li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jeħtieġ li jkomplu jissaħħu biex huma wkoll jantiċipaw il-bidliet.
“Il-pass tar-riformi li qbadna fl-aħħar xhur irid ikompli għaddej biex noħolqu prosperità ġdida u sostenibbli”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.