“Fl-aħħar 11-il sena, permezz ta’ ekonomija b’saħħitha, Gvern Laburista ma waqafx jgħin u jsostni lill-famlji, ħaddiema u negozji Maltin u Għawdxin, partikolarment fl-agħar kriżi dinjija.”
Iddikkjara dan il-Prim Ministru Robert Abela, fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Ħamis filgħaxija u b’reazzjoni għall-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar l-inflazzjoni f’Malta.
B’kuntrast għall-Oppożizzjoni, Dr Abela mar quddiem il-Parlament bil-fatti f’idejh, ta’ kif dan il-Gvern naqqas l-inflazzjoni, fosthom bis-sussidji multi-miljunarji fil-prezzijiet tal-energija.
“L-ikbar u l-aqwa miżura li qatt għamel dan il-gvern biex jikkumbatti l-fenomenu tal-għoli fil-ħajja, fi żgur kienet dik li nżommu l-prezzijiet tad-dawl stabbli, jiġifieri ma jogħlewx minkejja l-maltemp ta’ barra, kif ukoll il-petrol u d-diesel illi ma jogħlewx u l-gass ukoll, taf kemm tajna aħna f’sussidji tal-enerġija f’dawn l-aħħar 4 snin 2021, 2022, 2023, 2024 u l-ewwel xahrejn neqsin ta’ din is-sena, €850 miljun f’sussidji li baqgħu fil-bwiet tal-familji u tan-negozji tagħna qrib il-biljun ewro f’sussidji qegħdin nitkellmu ta’ Sur President.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Apparti dan Dr Abela qal kif il-Gvern quddiem dan kollu introduċa l-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja, u anke għolla l-paga minima nazzjonali.
Hawnhekk il-Prim Ministru anke kompla juri l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista, fejn fl-istess ħin li jridu jiddiskutu l-inflazzjoni, dawn ivvotaw kontra miżuri soċjali b’saħħithom.
“Għadkom kif ivvotajtu bil-qalb kontra dak li l-poplu kollu tagħna jemmen li kien l-aqwa baġit fl-istorja ta’ pajjiżna, ivvotajtu kontra ż-żieda fil-pensjonijiet, ivvotajtu kontra żieda rekord oħra fiċ-children’s allowance, ivvotajtu kontra l-akbar tax cut fl-istorja ta’ pajjiżna, ivvotajtu kontra ż-żieda mill-ġdid fil-benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja, vvotajtu wkoll kontra t-tkomplija tas-sostenn fl-enerġija u fil-fuels.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ma naqasx li jsemmi l-iskema Stabbilita li għenet mhux ftit biex jonqos il-livell tal-inflazzjoni f’pajjiżna, skema li l-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu pprova jirredikolaha. Waqt pandemija kien anke dan il-Gvern li kien ta sostenn b’ħemel ta’ skemi u inizjattiv finanzjarji lill-ħaddiema u negozji.
Hawnhekk il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għal ċifri uffiċjali, fosthom tal-NSO, li juru kif minn sena għal sena l-inflazzjoni qed tonqos f’pajjiżna, però saħaq li dan mhux biżżejjed u għalhekk se jkompli jaħdem favur dan.
Dr Abela, tenna kif dan huwa Gvern li l-unika għan tiegħu huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“F’dawn l-aħħar 11 il-sena aħna mexxejna ekonomija għan-nies u mhux mexxejna ekonomija u bl-għaks man-nies kif kontu tmexxu intom fil-25 sena illi domtu fil-Gvern.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm id-diskors fil-Parlament, b’messaġġ ta’ Gvern b’viżjoni għal pajjiż ta’ kwalità.
“Ejja ħalli flimkien nibqgħu naħdmu għal Malta tagħna, biex l-aqwa opportunitajiet jibqgħu dejjem jaħtfuwom iż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin kollha, għalhekk il-kwalità tal-ħajja fuq quddiem nett għal Għawdxin u l-Maltin kollha, għal pajjiżna li tant inħobbu, l-isfidi naffrontawhom iva, qatt ma mmorru għall-awsterità, nagħżlu u nibqgħu nagħżlu li ninvestu fil-bżulija tal-poplu tagħna. Magħna tafu fejn qegħdin, żiedna l-pensjonijiet, żiedna ċ-children’s allowance, tajna l-ikbar tax cut fl-istorja ta’ pajjiżna, meta għadna fit-tielet baġit minn ħamsa u f’li jmiss se nkomplu ninvestu aktar u aktar għal Għawdex u Malta tagħna, li tant nħobbu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela