“Saru riformi kbar fil-qasam tal-Ġustizzja li kienu ilhom mistennija snin.”
Hekk stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji għall-Ministeru tal-Ġustizzja.
Huwa nnota kif filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni u d-deputati tiegħu jgħidulek li ma sarux riformi fil-qasam tal-Ġustizzja, kellek lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen u l-Prim Imħallef innifsu li jagħrfu r-riformi kbar li saru fil-qasam.
Dr Zammit Lewis innota kif dan kien Gvern li wassal għal bidla fil-metodu tal-ħatra tal-Prim Imħallef, filwaqt li għamel iċ-ċentru ta’ medjazzjoni u dak tal-għajnuna legali. Innota wkoll kif kien hemm 16% żieda fl-allokazzjoni għall-qasam diġitali fil-ġustizzja mis-sena l-oħra sal-lum.
Huwa qal,“Ir-riformi mal-kummissjoni Venzja, ‘persons of trust’, ħatriet pubbliċi, segretarji permanenti, ġudikatura, president ta’ Malta. Għall-ewwel darba l-president li jmiss biż-żewġ terzi ta’ din il-kamra. X’mgħamilniex, riformi li konna noħolmuhom. Ilhom joħorġu rapporti snin, għexieren ta’ snin. Rapport wara l-ieħor, rapport, waqa’ Gvern fuq ir-riformi u ma sarux.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja fakkar kif kien Gvern Laburista li proteġġa lill-ġurnalisti għaliex tneħħa l-libell kriminali.
Stqarr kif il-kamra ddedikata għall-ġurnalisti fil-Qorti ukoll ġiet rinovata sabiex il-ġurnalisti jaħdmu b’mod komdu fil-Qorti wkoll.
Il-Ministru Zammit Lewis spjega kif ser tkun indirizzata wkoll il-problema tad-dewmien fil-proċeduri permezz ta’ miżuri differenti.
Stqarr kif dan il-Gvern huwa konxju tal-problemi li għad hemm fil-qasam u huwa impenjat li jindirizzahom.
F’diskors li għamel il-Membru parlamentari Laburista Jonathan Attard qal li r-riformi li dan il-Gvern għamel fil-qasam tal-Ġustizzja huma evidenza ċara li dan hu Gvern li ma jiddejjaqx iwettaq il-bidla fejn hemm bżonn.
Dan jikkuntrasta bil-bosta ma’ dak li juri l-istess qasam dwar l-Oppożizzjoni.
Dr Attard stqarr: “Kemm hu sabiħ tiġi hawnhekk fil-Parlament madame speaker u tisma’ lil kulħadd jitkellem dwar il-governanza tajba iżda jiena nistaqsi fejn kienu ħafna mill-membri tal-Oppożizzjoni meta kienu fil-Gvern biex jimplimentaw governanza tajba, fejn kien il-Kap tal-Oppożizzjoni meta ġie biex iħallas it-taxxa biex jimplimenta l-governanza tajba.”