Ir-replika tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija trattat bosta aspetti kruċjali f’pajjiżna fosthom l-oqsma tax-xogħol u s-saħħa.
Dwar il-qasam tax-xogħol, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-ħidma eċċezzjonali ta’ dan il-Gvern li permezz tagħha rnexxielu jsalva l-impjiegi f’pajjiżna.
Dan permezz ta’ miżuri mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika fosthom il-Covid Wage Supplement li ġie estiż sa Marzu li ġej.
Hawnhekk il-Prim Ministru Abela spjega kif mhux biss ġew salvati l-impjiegi iżda saħansittra fl-aħħar 4 xhur naqas il-qgħad f’pajjiżna.
Spjega wkoll kif dan jikkumpara mal-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista f’ċirkostanzi ferm aktar faċli.
Madankollu minkejja s-suċċess sabiex mhux biss dan il-Gvern jippriserva l-impjiegi iżda anke jnaqqas il-qgħad, il-Prim Ministru Abela fisser l-importanza li ta dan il-Gvern lill-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.
Fil-fatt hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela kritika l-inkonsistenza ta’ Bernard Grech dwar il-pandemija fosthom bil-ħatra ta’ kumitat magħmul minn deputati Nazzjonalisti.
Il-Prim Ministru elenka dak li għamel il-Gvern mill-aspett ta’ saħħa b’rabta mal-pandemija.
Fost oħrajn spjega kif Gvern Laburista għolla l-ispiża fil-pagi fis-saħħa pubblika b’€19-il miljun fis-sena. Dan filwaqt li s-sena d-dieħla din se tiżdied bi €22 miljun oħra.
Fl-allowances Gvern Laburista wkoll għamel passi ta’ ġgant-il quddiem hekk kif minn €44 miljun taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, għollijhom għal €111-il miljun.
Dwar ix-xhur li ġejjin f’kuntest ta’ pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa kuraġġuż u mhux beżgħan.
Dwar il-pandemija l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka d-diffikultajiet kbar li għadda minnhom il-pajjiż fl-aħħar xhur.
Diffikultajiet li ġabu magħhom deċiżjonijiet mill-aktar iebsin.