Jum qabel ma l-Parlament jiddiskuti t-Tieni Qari tal-emenda proposta biex jiġi assigurat li t-tobba jkunu legalment koperti biex jieħdu l-passi meħtieġa biex titħares saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan ma jillegalizzax l-abort, li se jibqa’ illegali f’pajjiżna.
Qal, “Bl-emenda li se nkunu qed niddibattu għada fil-Kamra tar-Rappreżentanti mhux se jiġi legalizzat l-abort, u dak huwa punt li xtaqt nagħmlu b’mod mill-iktar ċar għax jiddispjaċini illi nara min qed jipprova jiġġustifika l-oppożizzjoni għal din l-emenda billi jgħawweġ il-fatti.”
Dr Abela spjega li din l-emenda se tkun qed tipproteġi ħajjet il-mara meta jinqalgħu kumplikazzjonijiet fit-tqala, waqt li se tgħin lill-ħaddiema mediċi f’xogħolhom.
Spjega li, skont parir tal-Avukat tal-Istat, bil-liġijiet kif inhuma bħalissa, kemm it-tobba kif ukoll l-omm huma suġġett li jiġu akkużati bi ksur ta’ liġijiet. Qal li l-emenda hija mibnija fuq prassi li ilha għaddejja snin twal.
Dr Abela sostna li min jipprova jabbuża minn dawn l-emendi, se jitressaq quddiem il-ġustizzja, anki permezz tal-liġijiet li hemm fis-seħħ bħalissa.
Huwa tkellem dwar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, li hu kuntent bl-istatus quo, irrikordja messaġġ mingħajr preżenza tal-midja, minħabba li jaf li qed jgħid affarijiet li mhumiex minnhom.
Waqt l-intervista, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar ukoll dwar il-kariġi kostituzzjonali li bħalissa huma battala. Semma n-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u qal li ma jistax jifhem kif il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ewwel aċċetta n-nomina u issa mar lura minn kliemu.
Innota kif l-Oppożizzjoni għadha ma tatx raġuni valida għaliex mhux taqbel dwar in-nomina għal waħda mill-karigi kostituzzjonali tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern kellu jaġixxi, permezz tal-mekkaniżmu maħsub biex jiżblokka s-sitwazzjoni; mekkaniżmu li kien propost mill-Kummissjoni Venezja. Din kienet qalet lill-gvern Malti sabiex,f’sitwazzjonijiet bħal dawn, minflok vot b’maġġoranza sempliċi fil-Parlament il-ħatra ssir permezz tal-hekk imsejjaħ ‘anti-deadlock mechanism’.
Dr Abela nnota wkoll li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil fl-2017 kien qal li għandu jkun hemm mekkaniżmu bħal dan b’rabta ma’ rwoli importanti tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru kellu appell għall-Oppożizzjoni.
Qal, “Nemmen li din il-kariga huwa idoneu li jkollok iż-żewġ terzi għaliha, imma wkoll jien nappella b’mod mill-iktar ġenwin lill-Oppożizzjoni illi tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha. Jien mhux se nkun dak ix-xi ħadd illi jekk, fl-interess nazzjonali, l-Oppożizzjoni tirrikunsidra l-pożizzjoni aħħarija tagħha u tivvota favur l-eks Prim Imħallef Azzopardi, żgur mhux se nkun dak ix-xi ħadd li nakkuża lill-Oppożizzjoni b’u-turn.”