Fl-ewwel laqgħa mal-kamra tan-negozji żgħar u medji, il-Prim Minsitru Robert Abela li l-Gvern irid jaħdem b’sinerġija man-negozji għax sostna li meta n-negozji jmorru tajjeb, b’mod dirett u anke indirett, imorru tajjeb ukoll il-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ ta’ għajnuna għan-negozji sabiex ikun dejjem iffaċilitat it-tkabbir ekonomiku u spjega kif in-negozji żgħar u medji huma mutur ekonomiku ewlieni ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dawn l-ewwel jiem b’rabta mal-governanza u stqarr kif waqt sensiela ta’ laqgħat mal- istituzzjonijiet Ewropej, dawn innutaw il-bidliet sinifikanti li saru fl-aħħar jiem.
Qal li t-tkabbir ekonomiku u l-governanza t-tajba jridu jimxu id f’id u stieden lill-kamra sabiex tkun parti minn dan il-proċess.
“Kienet laqgħa verament tajba llum, nemmnu ħafna fl-SME’s f’pajjiżna. Fil-fatt it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna l-SME’s huma mutur ewlieni tiegħu u kienet din il-laqgħa kordjali li kien hemm bejnietna fejn ġiet stabbilita l-importanza tar-relazzjoni b’saħħitha bejn governanza tajba u tkabbir ekonomiku u nemmen li c-Chamber of SME’s se jkun strategic partner fit-tkabbir ekonomiku, fit-tisħiħ tal-governanza u fit-tisħiħ ta’ dak kollu li jagħmel pajjiżna pajjiż aħjar li tgħix fih.” Stqarr il-Prim Ministru Abela.
Sostna li l-Gvern kien u se jkompli jieħu d-deċiżjonijiet iebsin kemm huma iebsin fl-interess tas-self-employed, negozji żgħar, l-ekonomija u fuq kollox ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Tenna wkoll l-istrateġija tal-Gvern li jkun pro-market, li minbarra li tiġbor fiha l-mentalità pro-business tinkludi wkoll il-konsumatur.
Il-Prim Ministru sostna li se jibqa’ qrib tal-kamra u li mhux se jistenna li l-kamra tiġi għandu iżda se jkun hu li jmur għandha.
Min-naħa tiegħu il-President tal-Kamra Paul Abela rrefera għall-istħarriġ li għamlet il-Kamra u qal kif din qed tħares lejn din is-sena b’mod pożittiv ħafna. Is-Sur Abela semma wkoll kif fl-2020 hemm aktar minn 25% tan-negozji li qed jgħidu li huma se jkabbru n-negozju tagħhom.
Barra mill-istħarriġ, is-Sur Abela semma kif il-Kamra tqis in-nuqqas ta’ riżorsi, il-governanza u sistemi burokratiċi, u l-banek bħala sfidi li jafaċċjaw in-negozji.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.