Il-Gvern se ikompli jwettaq il-politika soċjali tiegħu permezz ta’ akkomodazzjoni lil Maltin u l-Għawdxin kollha. Dan intqal mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt l-estimi finanzjarji tal-budget imħabbar għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Galdes stqarr li l-Gvern assigura ‘l fuq minn mija u għaxar miljun ewro għall-bini ta’ elf u seba’ mitt appartament u dan ifisser li l-lista ta’ stennija, li preżentament hija l-inqas li qatt kienet fl-aħħar snin, se tkompli tonqos.
Huwa qal: “Illum il-waiting list diġà niżżilnieha għal 700 applikant f’temp ta’ 3 snin. 700 applikant li ħafna minhom ġa bbenifikaw u tajjeb li nkunu infurmati wkoll li ġa allokajna kważi elf unit f’dawn is-snin kollha kemm ilna fil-Gvern.”
Il-Ministru spjega ukoll li twettaq eżerċizzju ta’ riċerka fuq l-applikazzjonijiet fejn aktar minn elfejn applikant għall-akkomodazzjoni soċjali ġew intervistati bir-reqqa sabiex jiġi żgurat li huma verament eliġibbli u b’hekk tiġi evitata l-possibilità li ikun hemm abbużi.
Il-Ministru Galdes tenna li l-Gvern huwa impenjat sabiex ikompli joffri tama lill-ġenerazzjoniiet futuri sabiex jinvestu f’darhom stess, fejn komplew jissaħħu il-benefiċċji tal-kera filwaqt li ż-żgħażagħ ġew mgħejjuna sabiex isiru sidien ta’ darhom.
Fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat Laburista Ian Castaldi Paris fejn qal li dan il-Gvern bil-fatti u mhux bil-kliem qed juri li għandu ruħ soċjali.
Matul id-diskors tiegħu, id-deputat Laburista semma kif il-fondi li alloka l-Gvern mhux biss qed isarraf f’saqaf għal familji Maltin imma qed jgħin biex tiġi eliminata l-istigma li hemm kontra dawk il-persuni li joqogħdu f’binja ta’ housing soċjali.
Huwa stqarr: “Elf u seba’ mitt binja tiela ġdida għal Maltin u l-Għawdxin. Dak huwa li għamel dan il-Gvern.”