Dan kien Gvern li fl-aħħar sentejn, ipprovda stabbiltà ekonomika.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, sentejn minn meta bdiet il-ħidma ta’ Gvern Laburista ġdid biex iwettaq il-wegħdi fil-manifest ‘Malta Flimkien’.
Bil-membri tal-Kabinett kollha warajh, il-Prim Ministru tkellem dwar il-prinċipji li ggwidaw lill-Gvern fil-ħidma tiegħu, dejjem imsejsa fuq it-twemmin li ’l pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.
Meta fisser il-frażi ‘stabbiltà ekonomika’, il-Prim Ministru spjega kif dan il-Gvern irnexxielu jibqa’ jipprovdi stabbiltà, minkejja dak li qed jiġri madwar id-dinja.
Fuq quddiem nett semma l-istabbiltà fil-qasam tal-enerġija, u fil-prezzijiet ta’ mijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, li kollha qed iħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
Hawnhekk, il-Prim Ministru nnota kif l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ iġibu l-fiduċja, li tissarraf fi tkabbir ekonomiku. Fil-fatt, ħabbar kif pajjiżna mhux biss baqa’ jirreġistra l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, imma għall-ewwel darba fl-istorja, il-ġid nazzjonali ras għal ras qabeż il-medja taż-Żona Ewro.
Lil hinn miż-żewġ miżuri kbar ta’ stabbiltà, il-Prim Ministru elenka ħemel ta’ inċentivi oħra li għenu lill-poplu, fosthom l-akbar żieda fiċ-children’s allowance, fil-pensjonijiet, u għajnuniet lill-first time buyers.
Qed issir ħidma wkoll biex jingħataw aktar spazji pubbliċi lill-familji.
Il-Prim Ministru tenna l-impenn tiegħu li fis-snin li ġejjin, il-proposti kollha fil-manifest ‘Malta Flimkien’, jitwettqu kollha.