Fi stqarrija d-Deputati Laburisti Etienne Grech u Tony Agius Decelis qalu li f’ġimgħa fejn ħarġu ħames rapporti dwar pajjiżna u l-kumpanija Enemalta, wieħed jista’ jislet faċilment il-kelma; fiduċja.
Fiduċja li dan il-Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba. Din il-fiduċja ġejja mhux biss mill-Aġenziji rispettati internazzjonali li qed ibassru aktar tkabbir ekonomiku, aktar xogħol, aktar investiment u aktar ħidma favur realtajiet soċjali, iżda fiduċja mill-poplu Malti u Għawdxi u n-negozji, li huwa permezz tagħhom li llum għandna tkabbir ekonomiku bla preċedent, permezz taż-żieda fil-konsum privat inċentivat mill-mizuri li daħħal dan il-Gvern.
In-numri fir-rapporti huma sbieħ u importanti anke għal min ġej biex jinvesti f’pajjiżna, iżda l-aktar importanti huwa lin-nies qed iħossu li qegħdin f’pożizzjoni aħjar milli kienu 4 snin ilu. Fuq kollox qed iħossu d-differenza fil-ħajja tagħhom u fi bwiethom.
Għaldaqstant ma nistgħux inreġġgħu lura l-arloġġ kif iridna nagħmlu l-Kap tal-Oppożizzjoni, ma nistgħux imorru lura għall-kontijiet għolja, għall-childcare li trid tħallas biex tieħdu, għall-defiċit dejjem tiela ‘l fuq u għall-miri ekonomiċi li qas kienu jintlaħqu mill-Gvern li jkun poġġihom quddiemu huwa stess.
Filfatt fir-rapport dwar l-Enemalta, Standard & Poor’s stess qed tgħid li, “In our opinion, the next elections in Malta, scheduled for 2018, will test Enemalta’s resilience to its exposure to potentially adverse energy policy decisions”. Standard & Poor’s qed jgħidu li ma nistgħux indawwru r-rotta tajba li qabdet l-Enemalta u li permezz tagħha l-kumpanija ssaħħet biex minn waħda b’€1,000miljun dejn, illum qegħdha tagħmel il-qligħ.
Il-poplu Malti u Għawdxi jrid li dan il-pajjiż jibqa’ miexi kif inhu, fid-direzzjoni t-tajba permezz tad-deċiżjonijiet li qed jieħu ta’ kuljum dan il-Gvern.