Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif dan il-Gvern qed jgħolli l-istandards fil-politika.
Dan meta mistoqsi dwar riżenja ta’ Ministru u Membru Parlamentari f’intervista fuq ONE Radio.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif mill-bidu tat-tmexxija tiegħu kellu jieħu bosta deċiżjonijiet iebsin iżda li qatt ma ddejjaq joħodhom.
Stqarr kif fl-aħħar jiem rajna irġulija minn Membri Parlamentari li rrikonoxxew in-nuqqasijiet tagħhom u refgħu r-responsabilità.
Hawnhekk ikkuntrasta dawn l-istandards ma’ dawk li timxi bihom l-Oppożizzjoni
Huwa tenna, “Jiġifieri l-istandards li jemmen fihom dan il-Gvern Deputat Parlamentari li għandu sitwazzjoni analoga, identika li għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni ddeċieda li ma jikkontestax elezzjoni ġenerali u l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss ħa jikkontesta elezzjoni ġenerali imma qed jippretendi li jsir Prim Ministru.”
Innota kif l-Gvern kellu Membru Parlamentari li rriżenja minħabba nuqqasijiet marbuta mal-allegat ħruġ taċ-ċertifikati, min-naħa l-oħra deputat tal-Partit Nazzjonalista kellu sitwazzjoni simili ħafna iżda kollox baqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn.
Il-Prim Ministru tenna kif filwaqt li l-Gvern qed juri li qed jieħu d-deċiżjonijiet bi standards għolja, min-naħa l-oħra għandek Oppożizzjoni li tibqa’ tpenġi kollox iswed.
Dan filwaqt li n-nies qed jagħrfu li l-Gvern introduċa kultura ġdida fejn persuni f’ħajja pubblika li jiżbaljaw jerfgħu ir-responsabbilità li jġorru n-nuqqasijiet tagħhom.
Għad-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li stqarr li l-Gvern jinsab f’kollas, il-Prim Ministru wieġeb kif dawn id-dikjarazzjonijiet ġejjin minn min mhux liberu li jieħu d-deċiżjonijiet għaliex miżmum minn dawk li poġġewh Kap.
Il-Prim Ministru stqarr kif quddiemhom, in-nies ser ikollhom għażla ċara fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Saħaq, “X’ser ikollok? Ser ikollok Kap tal-Oppożizzjoni li ser imur għal dan it-test importanti bl-istess tim skadut li ġie skreditat għal darba darbtejn mill-poplu tagħna, l-istess tim ta’ nies skreditati. Mill-banda l-oħra x’għandek? Partit Laburista li sejjer ’il quddiem b’tim rinvigorat ta’ nies li jżewwaq l-esperjenza li għandna ma’ elementi ġodda iżda fuq kollox tim ta’ kompetenza.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-Gvern ser jibqa’ xprunat mill-aqwa interessi tal-pajjiż fid-deċiżjonijiiet tiegħu.
Deċiżjonijiet li waslu biex f’inqas minn sentejn għaddew 140 liġi.
Dan meta mqabbel ma’ Gvern Nazzjonalista li għadda 132 abbozz f’ħames snin.
Huwa temm b’appell għal żmien fejn qrib elezzjoni ġenerali d-dibattitu politiku ser jiżdied.
Stqarr kif id-dibattitu dejjem għandu jkun wieħed bejn l-ideat għal ġid tal-pajjiż.