Dan il-Gvern ma jikkuntentax b’dak li kiseb sal-lum, imma jrid joffri l-aqwa ambjent u l-aqwa ċirkostanzi biex isiru kisbiet ġodda.
Kien dan il-messaġġ ewlieni ta’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard u d-Deputat Omar Farrugia.
It-tnejn saħqu kif l-aħħar sena kompliet tiddetermina kemm il-Partit Laburista fil-Gvern ħa deċiżjonijiet meħtieġa fl-aħjar interess nazzjonali u l-poplu jaf li minkejja l-isfidi, għandhom Gvern iffukat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard sostniet kif il-poplu jaf li għandu Gvern li jerfa’ l-piż sa fejn possibli u jwieżen l-aktar lil dawk li jifilħu l-inqas.
Id-Deputat Omar Farrugia qal li quddiem sfidi internazzjonali bla preċedent, Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela mhux biss ma tax xokk fl-ekonomija, imma stabilizza l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil.
Saħaq ukoll li qatt daqs illum ma kien hawn Gvern Malti li jgħin lin-negozji u lill-familji; b’Partit Laburista li dejjem wera l-prinċipji soċjalisti tiegħu u kien man-nies.