Dan hu Gvern li qed jagħti direzzjoni ċara ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna, b’miżuri u deċiżjonijiet meħuda fl-aqwa interess nazzjonali anke meta affaċċjati bi sfidi internazzjonali.
Kien dan il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, u d-Deputat Cressida Galea f’għeluq l-ewwel sena minn mindu l-poplu ta mandat b’saħħtu lill-Partit Laburista, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li, matul din is-sena, il-gvern Laburista qed jagħti direzzjoni lill-pajjiż bil-miżuri li qed jitwettqu kuljum, iżda wkoll ħa deċiżjonijiet meta kien affaċċjat bl-isfidi.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli spjega diversi miżuri li ħa l-Gvern fis-settur tal-akkomodazzjoni, fosthom il-ħidma tal-Gvern fuq l-akbar proġett fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar erbgħin sena.
Il-Ministru Galdes semma wkoll l-għotja ta’ €1,000 fis-sena għal 10 snin għal dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà s-sena li għaddiet.
Il-Ministru spjega wkoll l-importanza tal-iskema New Hope, li tiżgura li persuni b’diżabilità jew b’ċertuikundizzjonijiet mediċi jingħataw self mill-banek għal xiri ta’ proprjetà.
Tkellem ukoll fuq ir-riforma tal-liġi tal-kirjiet ta’ qabel l-1995, li toffri stabbilita u protezzjoni lill-inkwilin u ġustizzja lis-sid tal-post, fl-istess ħin li tassigura li ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasha.
Il-Ministru Galdes qal li dan kollu qed igawdu minnu l-familji Maltin u Għawdxin li għandhom gvern li dejjem tahom prijorità.
“Dan kollu juri li l-Gvern għandu l-kuraġġ li jassisti faxex differenti fis-soċjetà tagħna, fosthom li nwettqu l-ħolma ta’ ħafna żgħażagħ li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom; il-kuraġġ li nindirizzaw il-kirjiet antiki u li nirriformaw il-kirjiet privati. Nagħmlu dan għax il-Partit Laburista fil-Gvern iwettaq dak li jwiegħed.”
Min-naħa tagħha, id-Deputat Laburista Cressida Galea fakkret li, sena ilu, il-Partit Laburista ppreżenta l-viżjoni tiegħu għal Malta li jrid iħalli lil ġenerazzjonijiet futuri.
Id-Deputat Laburista spjega li, matul din l-ewwel sena, l-elf proposta qed jinbidlu f’elf kisba ġdida għal dan il-pajjiż; proposti li l-għan tagħhom huwa li kullħadd f’pajjiżna jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Fl-intervent tagħha, id-deputat Laburista spjegat kif matul l-2022 l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet waħda reżiljenti għall-aħħar. L-ekonomija baqgħet dejjem tara investiment, innovazzjoni, u viżjoni, anke fi sfond tal-gwerra fl-Ukrajna.
“Komplejna nwettqu diversi miżuri. B’fiduċja f’pajjiżna se nkomplu l-Gvern ta’ serħan il-moħħ li ssaraf is-suċċess ekonomiku fil-poplu Malti u Għawdxi”.
B’fiduċja f’pajjiżna, dan il-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla u joffri serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.