F’intervista mal-ġurnalisti l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-viżjoni ta’ dan il-Gvern li tnediet waqt laqgħa tal-Kabinett mal-Kamra tal-Kummerċ ftit tal-jiem ilu, turi l-pjan ċar li għandu Gvern Laburista għal pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal dan fl-isfond tal-inċertezza li ġabet magħha l-pandemija madankollu li xorta baqgħet ma xekklitx il-ħidma tal-Gvern u d-direzzjoni ‘l quddiem li jrid jimxi fiha.
Dr Abela stqarr: “Il-5 pilastri tal-viżjoni ekonomika ta’ dan il-Gvern. Iva aħna nħarsu lil hinn ukoll mill-Covid-19 imma biex tħares lil hinn mill-Covid-19 trid tippjana mil-lum u dak kien li għamilna u x’nedejna it-Tlieta li għadda.”
Filwaqt li semma l-ħidma ta’ dan il-Gvern favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, semma wkoll l-aħħar ċertifikat li rċieva pajjiżna f’dan ir-rigward din id-darba mill-aġenzija ta’ kreditu Moody’s.
Huwa sostna: “Governanza t-tajba. Moody’s għamlet dak il-kumment. Qalet li hija sodisfatta bil-bidliet li għamilna. Kburi bil-bidliet kbar li għamilna f’dawn l-aħħar 7 xhur fejn tidħol Governanza tajba. Aħna qlibna ta’ taħt fuq il-qasam istituzzjonali ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-aħbar li ħarġet is-Sibt filgħaxija fejn l-Avukat Ġenerali Peter Grech qal li se jkun qed jirriżenja f’Settembru li ġej. Il-Prim Ministru qal li se jara li l-ittra tar-riżenja tal-Avukat Ġenerali tiġi wkoll ippubblikata sabiex it-trasparenza f’pajjiżna tingħata l-importanza bil-fatti.
Hawn spjega kif issa tibda sejħa pubblika sabiex tingħażel persuna ġdida li ser tkun qed timla’ din il-kariga tant importanti f’pajjiżna: “Fil-każ tal-Avukat Ġenerali issa tibda l-public call sabiex jintgħażel l-Avukat Ġenerali li jmiss.”
Il-Prim Ministru temm jappella għall-għaqda nazzjonali f’dan iż-żmien partikolari hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi għandu l-kwalitajiet kollha sabiex jibqa’ dejjem jimxi l-quddiem.
Huwa appella: “Ejja nħarsu ‘l quddiem f’dan il-mument partikolari għall-pajjiżna imma nħarsu ‘l quddiem sabiex għada jkun aħjar mil-lum.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/08/16/il-pm-jghid-li-l-immigranti-li-dahlu-fpajjizna-bil-covid-19-mhux-se-jitqiesu-mal-kazijiet-ta-malta/