Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ħa nota tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell dwar id-dritt tal-Ombudsman f’dan il-każ skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu, li jinvestiga u jgħaddi r-rakkomandazzjoniet tiegħu fuq promozzjonijiet tal-uffiċjali fl-Armata.
Il-Ministeru spjega li huwa normali f’kull demokrazija li jkun hemm interpretazzjonijiet diversi tal-liġi li fl-aħħar mill-aħħar jiġu riżolti mill-Qrati. Id-differenza hi li, kuntrarjament għall-Oppożizzjoni, il-Gvern dejjem irrispetta d-deċizjonijiet tal-Qrati.
Fi stqarrija, l-Ministeru fisser li hija ħasra li, bl-istqarrija tal-lum, il-PN għal darb’oħra prova jagħmel ballun politiku minn deċiżjoni tal-Qorti.
Huwa tal-mistħija kif il-Partit fl-Oppożizzjoni jitkaża bil-promozzjonjiet li ngħataw u li qed jiġu kkontestati meta fi żmien li kienu fit-tmexxija tal-pajjiż saru promozzjonijiet fl-ogħla karigi tal-Armata mingħajr l-ebda sejħa, jew xi proċess ta’ selezzjoni, fosthom ta’ uffiċjali li ma temmewx il-kors ta’ formazzjoni.
Il-Ministeru qal li saru abbużi kbar fl-għoti ta’ promozzjonjiet fl-Armata, b’diskriminazzjoni sfaċċata ma’ numru ta’ uffiċjali u dan sabiex jiġu akkomodati xi wħud. Kien hemm saħansitra promozzjonjiet għal karigi għoljin li ma kinux jeżistu u għalhekk kellhom jinħolqu apposta, xi ħaġa li speċifikament tmur kontra l-kriterji fil-liġi. Fil-fatt, l-eżeċizzju ta’ wħud minn dawn il-promozzjonijiet għadhom pendenti quddiem il-Qrati għal deċiżjoni.