Jiem biss wara li l-investigaturi fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia ressqu aktar persuni l-Qorti, u saħansitra persuna ammettiet l-involviment tagħha fil-każ u ġiet ikkundannata l-ħabs, il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra attakka l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Rajna attakk fin f’okkażjonijet mhux daqstant fin, kontra l-istituzzjonijiet. Mela l-ewwel għamlu xhur jgħidu li l-istituzzjonijiet ma jaħdmux. Kif raw l-istituzzjoniiet jagħtu riżultati effettivi tathom rashom.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar kif Rosianne Cutajar ġabet l-interessi tal-pajjiż qabel tagħha. Il-Prim Ministru spjega li Cutajar ħasset kellha teżerċita d-dritt li tnaddaf isimha mingħajr ma timpatta l-ħidma tal-Gvern, xi ħaġa li turi maturità u serjetà.
Il-Prim Ministru sostna: “Però ara xi ħadd jaħseb li aħna dgħajfa, intelliġenti iva, dgħajfa le. Dgħajfa mhu se nkunu qatt.”
Hawnhekk, Dr Abela għamel kuntrast bejn dak li jagħmel il-Gvern u dak li tagħmel l-Oppożizzjoni fil-qasam tas-saltna tad-dritt.
Huwa tenna: “Ma jieħu stand fuq xejn. Fuq xejn. Insaqsih jien illum, Rosianne din il-ġimgħa tat eżempju ta’ kif isiru l-affarijiet. Nistaqsih jiena, x’se tagħmel b’Adrian Delia? X’se tagħmel b’Jason Azzopard? X’se tagħmel bi Kristy Debono? X’se tagħmel b’Herman Schiavone? Sal-lum minkejja allegazzjoniiet serjissimi kontrihom baqa’ ma għamel xejn.
Il-Mexxej Laburista spjega wkoll in-nuqqas t’azzjoni ta’ Bernard Grech, li qed ikompli juri kemm huwa kap mingħajr awtorità fil-konfront ta’ dawk li poġġewh fit-tmexxija tal-Partit.
Dr Abela saħaq: “M’għandux l-awtorità li jiddeċiedi. Għax jibża’ jiddeċiedi. Min poġġieh qed jiġbidlu l-ispag u jgħidlu dik ma tistax tagħmilha, dik lanqas, hemm trid tagħmel kif ngħidulek aħna, hemm trid tagħmel kif nidderiġuk.”
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għad-diskors li għamel Grech dwar għalfejn xtaq li joħroġ mill-pandemija.
Huwa qal, “Irrid li noħorġu mill-pandemija għax irrid nara lin-nanniet jgħannqu lin-neputijiet tagħhom. In-negozji jagħmlu l-profitti, il-familji jieħdu l-vaganzi, irrid nara pajjiż li jimtela bit-turisti u dawk l-impjiegi jerġgħu jissaħħu. Għalhekk aħna rridu li noħorġu mill-pandemija.”