“Il-Gvern għandu strateġija nazzjonali b’viżjoni li għandha l-għan li tħares id-drittijiet tal-annimali li jgħixu fis-soċjetà, fosthom fejn jidħlu s-saħħa u l-kura tagħhom.” Dan intqal mis-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali fi stqarrija, b’reazzjoni għal dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-cat feeders.
Il-Gvern qal kif din il-liġi b’rabta mat-tmiegħ tal-qtates qiegħda hemm biex tirrikonoxxi l-ħidma li ssir fis-settur u tassisti fejn meħtieġ, biex tħares id-drittijiet tar-residenti u biex tiġi ppriservata l-iġjene minn insetti u annimali oħrajn.
Intqal kif ir-reġistru tal-cat feeders qiegħed hemm biex l-awtoritajiet ikunu jafu min huma n-nies responsabbli miż-żoni u l-kolonji tal-qtates, waqt li jitnaqqas l-abbuż.
Il-Gvern żied li l-Partit Nazzjonalista fiż-żmien kemm dam fil-Gvern qatt ma ppropona regolamenti li jirregolarizzaw is-settur.