It-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna u r-rata ta’ qgħad li kull ma jmur qiegħda tonqos, huma biss żewġ punti mill-ħafna li tkellem dwarhom il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Se tinħareġ sejħa pubblika għal dawk interessati li jmexxu l-post identifikat f’Ħal Far biex issir ċentru loġistiku. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt intervista fuq ONE Radio meta kien qed jitkellem dwar l-opportunitajiet li jeżistu f’pajjiżna għal aktar tkabbir ekonomiku.
Fi kliem il-Prim Ministru din is-sejħa pubblika se tkun qed tgħin biex l-affarijiet jimxu ‘l quddiem u pajjiżna jkun jista’ jkollu ċentru tal-loġistika li joħloq aktar postijiet tax-xogħol u li tinċentiva l-industrija biex jiġu Malta. Huwa spjega li dan huwa l-mod għaqli ta’ kif il-Gvern ikompli jara kif ikabbar l-ekonomija.
Il-Prim Ministru għamel din id-dikjarazzjoni f’ġimgħa fejn in-numru ta’ nies jirreġistraw għal impjieg f’pajjiżna issa huwa taħt it-tlett’elef u ħames mija. Numru li ilu għal numru ta’ xhur jinżel b’mod konsistenti.
Huwa stqarr li l-għan prinċipal li għalih twaqqaf il-Partit Laburista kien li joħloq ix-xogħol u li jekk Gvern Laburista ma joħloqx ix-xogħol, l-iskop tiegħu ma jkunx qed jintlaħaq.
Huwa fatt li l-ġid qed jiżdied u qed jiħlaq firxa iżjed wiesa’ ta’ nies; qal il-Prim Ministru.Irrimarka kif żmien ilu kien hawn l-idea li x-xogħol jinħoloq taħt Gvern Nazzjonalista; iżda dan il-Gvern kisser dak il-ħsieb.
Il-Prim Ministru huwa kburi li dan il-Gvern huwa l-aktar Gvern f’Malta ta’ kull żmien li qatt ħoloq xogħol. Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-differenza bejn gvern u Oppożizzjoni, li li ħafna mid-drabi tkun distruttiva. Riflessjoni tal-karattru tal-kap tal-Oppożizzjoni.
Dwar il-każi tal-eks Ministru Chris Said u s-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi, il-Prim Ministru qal li jimminaw għal kollox kull ħaġa li qatt qal Simon Busuttil dwar il-governanza.
B’kuntrast il-gvern jagħmel id-differenza u spjega kif ir-riforma fil-ġudikatura tibgħat sinjal ċar li dan il-Gvern ma jibżax mill-bidla.
Irrimarka wkoll kif il-gvern huwa konxju li filwaqt li jrid ikompli ibiddel pajjiż, hemm ukoll kwistjonijiet ta’ individwi.
Huwa temm billi qal li minkejja l-Gvern qed jirnexxielu jasal f’ħafna każijiet xorta waħda fadal xi jsir u li se tkun qed tkompli l-ħidma biex dawn il-każijiet jissolvew.