L-imsieħba soċjali se jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet li se nieħdu fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali.
Stqarr dan il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali Carmelo Abela fl-ewwel indirizz tiegħu lill-imsieħba soċjali.
Dan hekk kif l-imsieħba soċjali ltaqgħu f’laqgħa konġunta tal-MEUSAC u l-MCESD sabiex jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea fis-semestru Ewropew li jmiss u t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Abela saħaq li d-djalogu soċjali qed jaqa’ direttament taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’turija ta’ kemm il-Gvern huwa impenjat biex jagħti widen lill-proposti li jitressqu mill-imsieħba soċjali.
Il-Ministru sostna li s-semestru Ewropew jipprovdi bażi u qafas għall-kordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni Ewropea kollha.
“Din hija xi ħaġa importanti li l-imsieħba soċjali jkollhom anke l-vuċi tagħhom li tinstema’ dwar is-semestru Ewropew. Fi ftit kliem, huwa kif aħna naħdmu b’mod aktar organizzat bħala pajjiż u wkoll fil-qafas tal-Unjoni Ewropea fejn aħna għandna ċertu obbligi fosthom li jkollna baġit li jkun sostenibbli.” saħaq l-Onor. Abela.
Alexia Zammit mill-Kummissjoni Ewropea spjegat li s-semestru ta’ din is-sena jagħti direzzjoni ekonomika ġdida li fost l-oħrajn tinkorpora l-miri ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda u li ssir tranżizzjoni lejn l-ekonomija l-ħadra.
Min-naħa tiegħu ic-chairperson tal-MCESD John Bencini qal li fil-qafas tas-semestru Ewropew l-imsieħba soċjali talbu li jkunu kkonsultati aktar fil-proċess li jwassal għar-rakomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżna li jsiru bħala parti minn dan is-semestru.
“Dal-proċess li jasal għal country specific report meta inti l-Ewropa se tgħidilna isma hawn sejrin tajjeb, hawn le, hawn tridu timpruvjaw. Aħna jidhrilna li sakemm jasal dak il-proċess fl-aħħar irid isir u nippretendu li jsir konsultazzjoni mas-social partners ta’ Malta,” spjega s-Sur Bencini.
Dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea il-Ministru Abela sostna li jifhem li ħafna huma mħassba dwar kif dan se jolqot liċ-ċittadini u lin-negozji.
F’dan il-kuntest il-kap tas-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea Glenn Micallef żvela li l-Gvern ippubblika avviż legali li jitlob liċ-ċittadini Brittaniċi f’pajjiżna jirreġistraw irwieħhom.
Ta wkoll preżentazzjoni dwar l-istat preżenti tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea. Fost oħrajn qal li bħalissa ż-żewġ naħat qegħdin jippreparaw għall-fażi li jmiss tan-negozjati fejn sal-aħħar tas-sena trid tiġi stabbilita r-relazzjoni permanenti bejniethom għall-futur.