“Dan huwa Gvern li f’kull deċiżjoni ra li dejjem jkun man-nies u favur il-poplu Malti u Għawdxi.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, f’ġimgħa li fiha anke tħabbru inizjattivi jew riżultati pożittivi li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Dr Abela nnota b’sodisfazzjoni l-frott pożittiv li qed tħalli l-iskema Stabbiltà, dan hekk kif l-NSO uriet li fi Frar, kien hemm nuqqas fl-inflazzjoni.
“Wasalna għal dan it-tielet patt soċjali, x’fisser? Qalulna li mhux se jkollu effett. Li rajna huwa li mhux biss dawwarna bil-kontra il-kwistjoni tal-inflazzjoni li bdiet tiela’ ‘l fuq fil-prezzijiet tal-ikel, però rnexxielna nnaqsu l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel b’1.2% u rnexxielna nerġgħu niġu aqwa minn Stat Membri oħrajn fit-trażżin tal-inflazzjoni fuq il-prezzijiet tal-ikel. L-effett b’saħħtu li kellha din il-miżura x’kien? L-ewwel ta’ traħħis, u akbar minn hekk il-vantaġġ li tat ta’ stabbiltà.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll fl-għajnuna li qed tingħata fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel, fejn hawnhekk ukoll il-Gvern ra li jkun man-nies u li l-piż li ġabet magħha x-xena internazzjonali ma jerfgħuhx huma.
Fil-ġimgħa li ġie inawgurat iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi, Dr Abela semma kif qed jiġu investiti għaxar miljuni fuq medda ta’ snin biex kull lokalità f’pajjiżna jkollha ċentru tas-saħħa aktar moderna jew berġa mnejn jinqdew in-nies.
Apparti dan, Dr Abela semma kif Gvern Laburista hu kommess li jibqa’ jsaħħaħ l-għajnuna lill-first-time buyers.
“Dawn huma l-miżuri li rridu nibqgħu nagħmlu, għal darb’oħra hemmhekk it-tkabbar ekonomiku li jissarraf fit-tisħiħ tal-ġid komuni u ngħinu lil dawk il-persuni li jkunu jeħtieġu dik l-għajnuna, nemmen li din hi għotja li rridu nibqgħu nżommu hemmhekk u tgħin biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom.”
Dwar il-ħatra ta’ President, il-Prim Ministru spjega kif din hi l-ewwel darba, li l-enfasi ma kinitx biss dwar il-kwalitajiet iżda wkoll dwar il-ħtieġa li l-Parlament jaqbel.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ dwar Jum il-Ħelsien li se jiġi ċċelebrat mill-Partit Laburista nhar it-Tlieta li ġej fil-Birgu.
“Infakkru lil ta’ qabilna u l-kisbiet kbar li ġabu, imma rridu nitkellmu wkoll dwar il-futur. Il-messaġġ ta’ nhar it-Tlieta filwaqt li se jkollu dan ir-rikonoxximent lejn il-passat, se jkun qed jitkellem dwar il-viżjoni u t-tkomplija tat-twettiq tal-viżjoni għal pajjiżna għal futur u nibqgħu ngħożżu dak il-prinċipji li sawwar fina l-Perit Duminku Mintoff, anki b’din il-kisba ta’ 45 sena ilu, u nevolvuhom dawk li s-soċjetà moderna llum teħtieġ u qed taspira l-futur tagħha.”