F’ġimgħa li rat aħbarijiet pożittivi, u rekord, għas-settur turistiku ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru fakkar fir-realtà tal-passat riċenti li lkoll konna qed ngħixu matul il-pandemija, meta sa ftit aktar minn sena ilu, konna għadna bil-miżuri protettivi tas-saħħa.
F’intervista fuq ONE Radio, Dr Abela nnota l-irkupru ekonomiku tant aċċellerat li pajjiżna qed jesperjenza f’qasir żmien, anki jekk kontra x-xewqat ta’ min ried kapital partiġjan politiku minn dan l-episodju wkoll.
Il-Prim Ministru elenka diversi investimenti li qed jagħmel il-Gvern f’kull settur, biex it-turist jibqa’ jagħżel lil Malta.
Qal, “Bħala Gvern se nibqgħu ninvestu fis-settur, ninvestu mhux biss fl-infrastruttura, dik hija kruċjali, imma fuq kollox fil-preservazzjoni tal-prodott Malta u Għawdex.”
Fi tmiem ġimgħa li matulha żar xogħlijiet multi-miljunarji fl-iskejjel, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-investimenti fis-settur edukattiv, li jmorru lil hinn minn dawk infrastrutturali.
Qal, “L-inizjattivi biex nirreżistu l-fenomenu ikrah tal-early school leaving, jiġifieri li dak li jkun jitlaq b’mod bikri mill-iskola u ma jiħux il-proċess edukattiv b’mod sħiħ, u nemmen li din hija xi ħaġa li kellna suċċess li niġġieldu kontra dan il-fenomenu, imma rridu naħdmu iktar biex inkomplu nħarrġu l-istudenti tagħna, nagħtuhom l-aqwa formazzjoni edukattiva, biex niżguraw li l-aqwa opportunitajiet li qed toħloq l-ekonomija tagħna, jinħatfu mill-istudenti Għawdxin u Maltin.”
Dwar l-iskema tal-green bonds tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon għall-mod kif fi ftit sigħat inħarfu min-nies, li lesti jwieġbu għal din it-trasformazzjoni ambjentali li qed issir.
Qal,“Il-fatt li nħatfu b’mod daqstant malajr mill-poplu tagħna turi l-ewwel nett, il-fiduċja li hemm f’pajjiżna, turi kemm meta tagħti d-direzzjoni strateġika ċara, il-poplu jassimilaha u jagħmilha tiegħu, imbagħad tara wkoll il-fatt li l-poplu għandu qagħda finanzjarja b’saħħitha li jista’ jinvesti f’bonds ta’ din il-kwalità u minn dan l-investiment ikollu return tajjeb għax dal-bonds jagħtu ritorn ta’ erbgħa punt tnejn ħamsa fil-mija, li għandek return b’saħħtu.”
Fl-intervista, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-inkjesti fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, u saħaq li l-aktar fattur importanti, jibqa’ t-trasparenza.
Qal, “It-trasparenza għalija, li ma hemm l-ebda ħabi, għalija tibqa’ fundamentali. Hija xi ħaġa li nemmen ħafna fiha, nemmen li bħala stat għandna l-obbligu li f’kull settur li qed nitkellmu dwaru, nippreservawha, u nemmen li għalhekk hija ewlenija f’kull deċiżjoni li rridu nieħdu.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li d-dixxiplina u r-rispett għandhom ikunu ċentrali fil-ħidma tal-Gvern.
Qal, “Żgur li min josserva l-liġi m’għandu qatt iħossu li huwa żvantaġġjat fil-konfront ta’ min jagħżel li ma josservax il-liġijiet tagħna. Din hija xi ħaġa li żgur ma rridux u xi ħaġa li ma nistgħux nippermettu li ssir.”