“Gvern li f’kull mument ried u jrid il-verità kollha.”
Dan kien wieħed mill-messaġġi ewlenin li bgħat il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien intervistat il-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio.
Dr Abela kien qiegħed jirreferi għall-każ ta’ Jean Paul Sofia li issa l-inkjesta Maġisterjali dwaru tinsab konkluża.
Fil-fatt, il-Prim Ministru spjega kif issa li ġiet konkluża l-Inkjesta Maġisterjali, jista’ jibdew investigazzjonijiet permezz ta’ inkjesta oħra mingħajr il-biżà li jkun hemm xi interferenza.
Dr Abela tkellem dwar l-importanza ta’ dixxiplina proċedurali fejn jidħol il-kors tal-ġustizzja, mingħajr indħil minn entitajiet ulterjuri inkluż dak tal-politiċi.
Il-Prim Ministru qal “Però li ridt fiż-żgur huwa sa minn dejjem illi tiġi stabbilita l-ġustizzja u li l-provi jinġabru bla ma jkun hemm xejn li jista’ jfixkel dik l-inkjesta milli twettaq il-funzjoni tagħha. Tgħidli għaliex forsi stajtu kontu aktar emottivi fit-twassil tal-messaġġ jew jekk stajniex inwasslu l-messaġġ. Għaliex dejjem emmint fid-dixxiplina proċedurali li kemm jista’ jkun inħallu l-inkjesta Maġisterjali twettaq il-funzjoni tagħha f’serenità.”
Hawnhekk Dr Abela nnota l-aġir tal-Oppożizzjoni li għamlet mill-każ ta’ Jean Paul Sofia ballun politiku partiġġjan.
Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru stqarr li l-Gvern se jibqa’ ffukkat li jwassal il-ġustizzja b’rabta ma’ dan il-każ imma mhux biss.
Fil-fatt, Dr Abela għamel referenza għas-settur tal-kostruzzjoni fl-intier tiegħu. Fost l-oħrajn, irrimarka kif din il-ħidma favur aktar serjetà fis-settur ma bdietx issa iżda wara l-ħruġ tar-rapport Quintano, wara inċident ieħor f’Santa Venera.
Fost l-oħrajn, minn dakinhar ‘l hawn ġiet imwaqqfa l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, u issa l-introduzzjoni tal-liġi li tobbliga l-liċenzjar tal-kuntratturi.
Dawn se jkun qed jibgħatu messaġġ li min hu serju u kwalifikat biss jista’ jaħdem f’dan il-qasam, b’differenza għal dik li kienet in-norma fil-passat.
Il-Prim Ministru kompla jgħid “Aħna għadna daqshekk min hu sejru jaħdem, mhux li int serju biss issa, imma li min hu serju u jgħaddi l-kriterji tal-liċenzja jista’ jaħdem min mhux serju u ma jgħaddix it-test tal-liċenzja allura bir-rispett kollu jmur jaħdem f’settur ieħor mhux f’dan is-settur li huwa ta’ sogru għal ħaddieħor.”
Fl-intervista l-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar is-sitwazzjoni li wasslet għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li laqtet partijiet mill-pajjiż konsegwenza tal-mewġa ta’ sħana qawwija.
Dr Abela elenka l-ħidma li saret f’dan il-qasam fejn sa ftit snin ilu l-pajjiż kellu sfidi serji fejn tidħol il-ġenerazzjoni tal-elettriku, filwaqt li assigura li l-kapaċità tal-provvista hija ferm aktar mid-domanda bħalissa.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li se tkompli l-ħidma biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li qed taffaċċja pressjoni fuqha minħabba t-temperaturi għoljin li wasslu biex joħolqu sħana madwar il-cables tad-dawl, b’riżultat li jfeġġu ħsarat fihom.
Abela reġa’ għamel referenza għall-kumpens addizzjonali minn naħa tal-Korporazzjoni Enemalta għal dawk li sofrew minn inkonvenjenti.
Il-Prim Ministru sostna li “Għal dak l-inkonvenjent u t-telf, il-korporazzjoni trid twieġeb issa, il-Gvern irid iwieġeb. Iwieġeb billi bħalissa ninsabu fit-tfassil ta’ sistema ta kumpens li se tkun qed tirrigwardja dan l-episodju partikolari. Jiġifieri se tkun skema lil hinn minn dik tradizzjonali illi l-Enemalta tagħmel tajjeb għal ħsarat fl-appliances, dik tibqa’ hemmhekk, imma b’żieda addizzjonali se nkunu qed nagħtu kumpens illi hemm l-iskema għadha qed tiġi mfassla biex nilqgħu propju għal dan l-inkonvenjent u l-ħsara illi sofrew in-nies.”