Id-deputat Laburista u Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, Silvio Parnis, qal li d-deċizjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova l-iżvillup tal-estensjoni u l-konverżjoni tal-British Building ta’ Baċir Numru Wieħed f’Bormla, għal użu mill-American University of Malta, huwa pass importanti ieħor fi twettieq ta’ dan l-akbar proġett b’investiment dirett barrani li kien attirat lejn in-naħa ta’isfel ta’ Malta. Dan il-proġett se jwassal biex dan is-sit storiku, wara snin twal ta’ abbandun, ikun trasformat fi klassijiet, zoni ta’ rikreazzjoni u studios.
“Gvern Laburista bil-provi qed juri r-rieda u determinazzjoni tiegħu li jirriġenera u jagħti d-dinjità mistħoqqa lill-familji, negozji u ambjent fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta” qal Silvio Parnis.
Silvio Parnis fakkar kif minn studju ekonomiku u soċjali li sar dwar dan l-akbar investiment barrani għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, irrizulta li dan il-proġett se jattira 4,000 student, b’impatt ekonomiku li jikkorispondi għal żieda ta’ €48 miljun li jitla’ għal €85 miljun fis-sena, ħolqien ta’ 280 impjieg ġdid li jiżdiedu għal 470 impjieg ġdid, kif ukoll opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti Maltin.
Fl-istess ħin dan il-proġett kompla jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil ma nbidilx fejn jidħol in-naħa ta’ isfel ta’ Malta u għadu jaddotta politika li titratta l-familji u n-negozji ta’ din in-naħa bħala ċittadini tat-tieni klassi. F’dan il-kuntest ftit li xejn wieħed jista’ jifhem il-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil favur l-estenzjoni tal-Freeport u kontra dan il-proġett edukattiv.
“Jidher b’mod ċar li għall-Partit Nazzjonalista in-naħa ta’ isfel ta’ Malta huwa tajjeb biss għal proġetti ta’ tniġġiż u nkonvenjent. Għal kuntrarju Gvern Laburista, irrispettivament mill-politika tal-Partit Nazzjonalista, qed ikompli għaddej bil-ħidma politika tiegħu biex jagħmel ġustizzja man-nies fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta” saħaq Silvio Parnis.
Id-Deputat Laburista qal li fiż-żmien li ġej ir-residenti f’din in-naħa ta’ Malta se jkompliu jassistu għal aktar proġetti ta’ fejda li se jwasslu għar-riġenerazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali ta’ din iz-zona ta’ Malta. Il-permess approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvillup tal-American University of Malta f’ Baċir Numru jsegwi l-approvazzjoni riċenti li kien hemm biex jibda proġett intiż li jirriġenera ċentru kummerċjali ewlieni fin-Nofsinhar ta’ Malta, il-Pjazza Antoine De Paule f’Paola, fejn bħalissa għaddejjin il-proċessi tat-tender.