“Il-poplu Malti u Għawdxi jaf fejn qiegħed mal-Gvern fuq il-bosta riformi li tressqu fl-aħħar xhur.”
Kliem il-Prim Ministru Robert Abela fl-attività politika fiż-Żejtun, fejn għamel referenza għall-ħidma sfiqa li qed titwettaq f’bosta oqsma, fosthom dak tal-ambjent.
Dr Abela qal li jħossu kburi li, meta lanqas għaddiet sena minn meta l-gvern Laburista ngħata mandat ġdid, diġà ngħatat spinta kbira biex pajjiżna jkompli jgawdi minn spazji miftuħa u ħodor.
L-ewwel fażi biex tiġi implimentata l-akbar wegħda elettorali tal-Partit Laburista, dik li jiġu nvestiti 700 miljun ewro fil-qasam abjentali, hija lesta, hekk kif it-Tnejn li għadda twaqqfet l-aġenzija Project Green li se tieħu ħsieb dawn il-proġetti.
It-tieni fażi hija l-konsultazzjoni mal-komunità.
Għalhekk li issa nidħlu fit-tieni fażi ta’ dan l-eżerċizzju: dak li kull komunita trid tidentifika x’inhuma l-aktar proġetti meħtieġa fil-lokalitajiet diversi. Huma proġetti li se tgawdi minnhom komunità b’komunità, u huma proġetti fejn spazji mitluqa se nagħmlu riġenerazzjoni u nagħtu ħajja ġdida, spazji fejn illum dominati mill-vetturi illi se nagħtuhom lin-nies, spazji ħodor u miftuħa li llum ma jeżistux u rridu noħolquhom għall-ewwel darba.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ma naqasx li hawnhekk il-Prim Ministru jsemmi proġetti ambjentali oħra, bħal dak li se jsir f’Wied il-Għajn, fejn minflok l-impjant tal-iskart ta’ Sant’Antnin se jkun hemm spazju aħdar għal kulħadd – wegħda li se tkun twettqet sal-aħħar tal-leġiżlatura.
Riforma oħra li għamel referenza għaliha l-Ħadd filgħodu, hija dik li se tagħti protezzjoni lit-tabib u l-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala li jpoġġulha ħajjitha f’periklu jew saħħitha f’riskju gravi.
Hawnhekk għal darb’oħra, il-Prim Ministru kien ċar.
L-emenda finali trid tkun waħda li tirrifletti fiha l-prinċipji ewlenin: dawk tal-ħarsien tal-omm, tat-tabib u, fuq kollox tal-ħarsien tal-ħajja, għax din tibqa’ emenda mnebbħa mill-ħarsien tal-ħajja, mhux kif qiegħed jipprova jpoġġiha ħaddieħor. Għax jien nistaqsi wkoll: hawn xi ħadd minna li huwa ġenitur li jrid li t-tifla tiegħu waqt tqala li sfortunatament tmur ħażin il-ħajja jew is-saħħa tat-tifla tiegħu tintilef għaliex għandna nuqqas fil-liġijet tagħna, meta l-kura medika tista’ ssalva l-ħajja ta’ bintek?
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-gvern Laburista mmexxi minnu ma jinjora r-realtajiet ta’ ħadd u li dejjem emmen f’soċjetà ġusta.