L-ewwel proposti mħabbra fl-ewwel sigħat tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista huma possibbli għax kollha diġà huma stmati f’dawk li għandhom x’jaqsmu spejjeż.
Waqt l-ewwel intervista tal-kampanja elettorali fuq One Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat spjega kif il-proposti huma riflessjoni ta’ dak li pajjiżna kiseb fl-aħħar erbà snin. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ dawn il-proposti mhux se jħallu impatt negattiv fuq l-ekonomija, hekk kif din tal-aħħar se tkun tiflaħ għalihom. Fakkar li l-ġid li sar ma jistax ikun ikkontestat.
Partit Laburista fil-Gvern żamm kelmtu, wettaq lista enormi ta’ affarijiet. Fil-fatt, twettaq 85% tal-manifest elettorali. Fost il-proposti mħabbra t-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru Muscat tkellem fuq dik tat-tranġar tat-toroq kollha.
Proposta li, fi kliemu, tista ssir bħalma saret dik meta twaqqaf l-użu tal-Heavy Fuel Oil. Innota li din il-proposta turi l-għaqal ta’ Gvern Laburista, hekk kif il-fondi għaliha, li jammontaw għal 700 miljun ewro, se jkunu ġejjin minn fondi Ewropej, mill-Bank tal-Iżvilupp u anke mill-flus li ġġenera l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Programm li 70% tal-fondi tiegħu ġġemmgħu biex jintużaw għal proġetti bħal dan.