Il-Partit Laburista fil-Gvern jagħti garanzija ta’ serħan il-moħħ liż-żgħażagħ għal futur tagħhom.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja waqt dibattitu fl-MCAST.
Il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti nnota kif Gvern Laburista ġdid se jkun ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji.
Fost dawn hemm għajnuna sabiex isir restawr tal-armar tal-festi.
Qal, “Assistenza finanzjarja u taħriġ għall-għaqdiet volontarji sabiex insaħħu l-qafas amministrattiv tagħhom u jiġu identifikati binjiet pubbliċi li bħalissa m’għandhomx użu sabiex jiġi rreġenerati għal skopijiet soċjali, b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet volontarji.”
Georvin Bugeja semma wkoll l-investiment tas-€700 miljun fi żmien seba’ snin sabiex isiru spazji ħodor viċin id-djar tan-nies.
Ma naqasx li jsemmi aktar proposti pożittivi għaż-żgħażagħ.
Qal, “Jitwaqqaf istitut ġdid għall-isnajja’ u li flimkien mal-istess istitut u l-Malta Enterprise u l-Iskills Policy Council jorganizzaw korsijiet ġodda ta’ taħriġ tekniku skont il-ħtiġijiet tal-industrija. Imbagħad hemm proposti oħrajn interessanti. Jien għaddejt minnha ftit taż-żmien ilu, xtrajt l-ewwel propjeta tiegħi, ħolma għal kull żagħżugħ u żagħżugħa illi jkollhom l-ewwel dar tagħhom u filfatt apparti li qegħdin ngħidu li nkomplu l-iskema tal-first time buyers. Qegħdin ngħidu wkoll li Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela jħallas €1,000 fuq għaxar snin. €10,000 fuq pagament tal-loan ta’ dawk li jkunu first-time buyers.”
Semma wkoll kif Gvern Laburista ġdid se jkun qed iżid li l-istudenti jaħdmu xogħol part-time sa 30 siegħa, waqt li jkunu qed jistudjaw u jieħdu l-istipendju.
Min-naħa l-oħra, f’dan id-dibattitu kien hemm il-President tal-MŻPN Gabriel Micallef li spiċċa jiddefendi l-fatt li Bernard Grech kellu jbiddel il-programm elettorali tiegħu għall-ħames darbiet.
Il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti nnota kif l-għażla fi-26 ta’ Marzu li ġej hija bejn il-passat u l-futur.
Qal, “Manifest illi l-ħolm tagħkom iż-żgħażagħ huma l-aspirazzjonijiet tagħna wkoll għax nemmnu f’kull wieħed u waħda minnkom, għax l-ambizzjonijiet tagħkom huma l-ambizzjonijiet tagħna. Min-naħa l-oħra għandkom Partit Nazzjonalista illi l-għażla tiegħu huwa l-konsistenza tiegħu fil-konfuzjoni. Kienu konfuzi fl-2017 u llum qed jippreżentaw manifest tat-terms and conditions.”