Il-Ministru Owen Bonnici, elenka fil-Parlament lista ta’ postijiet li fuqhom qed isir xogħol biex jiġu protetti.
Huwa kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni wara stqarrija li saret mill-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Ministru Josè Herrera dwar it-telfien tat-tieqa tad-Dwejra.
Il-Ministru Bonnici qal li l-ġrajja tal-bieraħ kienet waħda ta’ dieqa fejn in-natura ħadet lura dak li ħolqot hi stess.
Huwa qal li t-tieqa tad-Dwejra kienet sit naturali iżda Malta u Għawdex huma mżejna b’diversi siti ta’ valur inestimabbli, fosthom l-aktar tempji antiki fid-dinja u li għandna dover li nieħdu ħsiebhom.
Fl-aħħar erba’ snin, il-Gvern Laburista ta aktar enerġija qawwija biex jieħu ħsieb siti storiċi. “Kieku ma ħadniex ħsiebhom kieku qed nitkellmu fuq il-perikli tagħhom.”
Dawn jinkludu il-Forti Sant’Anġlu, il-Forti Sant’Iermu, it-tempji ta’ Bistra fil-Mosta, il-ponta tal-Isla bil-gardjola li kienet fi stat tal-biki, il-katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, it-tempji tal-Ġgantija, il-protezzjoni fit-tempji ta’ Ħal Tarxien, il-mitħna tax-Xagħra f’Għawdex, it-tempju ta’ Ħal Saflieni, il-biċċerija tal-Belt Valletta, l-Ospizio, il-berġa tal-Italja, il-Palazz tal-President, id-ditch, it-tempji f’Tas-Silġ, is-swar tal-Belt, il-Furjana, Sa Maison u kif ukoll Bormla.
Il-Ministru qal li biex isir dax-xogħol trid il-fondi u fejn jidħlu fondi Ewropej, il-Gvern irnexxielu jassorbi prattikament il-flus kollha li kien hemm aċċessibbli. Hemm bżonn aktar fondi, kemm nazzjonali u kemm li ġejjin minn sorsi oħra, bħall-iskema taċ-ċittadinanza, fejn hemm applikanti li qed jagħtu minn jheddhom flus lil Heritage Malta biex jissalvaw il-patrimonju.
Dr Bonnici faħħar ukoll l-inizjattiva tal-Ministru Anton Refalo li f’Għawdex, qal, “għamel meravilja meta rrestawra ċ-Ċittadella. Kieku din ma ġietx restawrata, kieku qed nitkellmu differenti.”
Huwa qal li dan huwa xogħol li sar u li se jkompli jsir. Hemm siti oħrajn bħal Forti Ricasoli, il-Forti ta’ Delimara, l-Katidral Anglikan ta’ San Pawl u l-knisja tal-Ġiżwiti li għar-restawqr tagħha ġew allokati fondi kbar.
Huwa qal li dan ix-xogħol kollu jsir minn ftit nies – madwar 30 persuna – biex joħorġu t-tenders, il-pjanti u l-applikazzjonijiet għall-fondi Ewropej.
Il-Ministru wiegħed li l-Gvern se jagħmel ħiltu kollha biex jidoppja l-enerġija tiegħu biex ikun hemm aktar ħidma f’dan is-settur.