“Pajjiżna llum wasal fejn hu mhux bis-saħħa tagħna biss, però bis-saħħa wkoll ta’ dawk li ġew qabilna, l-anzjani u l-penzjonanti tagħna li tant ħadmu u għamlu sagrifiċċji sabiex illum qegħdin fejn qegħdin”. Qal dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Alex Agius Saliba f’diskors li għamel fuq il-midja soċjali.
Agius Saliba sostna li l-Gvern Laburista qatt ma ta l-ġenb lill-anzjani u l-penzjonanti Maltin u Għawdxin u aċċenna għal mod li bih, f‘baġit wara l-ieħor, dan il-Gvern dejjem baqa’ jaħseb fihom bil-għan li jagħtihom kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-kandidat Laburista irrefera għall-mod li bih ‘il fuq minn 92,000 penzjonant u penzjonanta se jkunu qed jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ madwar €21 miljun matul is-sena 2019.
Dr Agius Saliba semma wkoll kif il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex l-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu fil-komunità u ma jiġux issegregati mill-kumplament tas-soċjetà. Semma b’mod partikolari kif fil-baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern kompla jżid l-inċentivi sabiex dawk li jieħdu ħsieb lill-anzjani fi djarhom ikunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan u fl-istess ħin l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu igawdu ħajjithom fil-komunità.
Il-kandidat Laburista fakkar ukoll kif numru ta’ miżuri li ħa dan il-Gvern matul dawn l-aħħar snin taw il-frott u għenu lill-anzjani tagħna. Fost dawn, huwa semma l-għotja ta’ €300 li tingħata lil dawk l-anzjani li jkunu qabżu l-75 sena u jkunu baqgħu jgħixu fi djarhom.
Dr Agius Saliba saħaq li din l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern mhix karità, u sostna li fuq kollox, dan huwa dritt tal-anzjani tagħna li għal ħafna snin ħadmu u kkontribwixxew b’mod dirett sabiex l-ekonomija tal-pajjiż setgħet tiffjorixxi u wasalna għall-ekonomija b’saħħitha li għandna llum.
Il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dr Alex Agius Saliba temm jgħid li jħares ‘il quddiem għal aktar miżuri ta’ din ix-xorta sabiex dejjem inkomplu nassiguraw li l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin tkompli titjieb.