Il-Partit Laburista jirringrazzja lill-1,676 ħaddiem tas-sigurtà ta’ pajjiżna tal-ħidma li wettqu matul il-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li kienet l-akbar konferenza Ministerjali li saret f’pajjiżna. Il-ħidma tal-Forzi tal-Ordni u tal-ħaddiema tas-sigurtà ta’ pajjiżna, napprezzawha kuljum għaliex iżommu Malta sigura, kif ukoll jirrikonoxxu l-indiċi u statistiċi indipendenti li jiġu ppubblikati li jpoġġuna fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja.
Irridu nirrikonoxxu wkoll li r-ringrazzjament tal-Partit Laburista fil-Gvern għall-ħaddiema ma jieqafx biss bil-kliem, iżda hu kkumplimentat bid-deċiżjonijiet u l-investiment li qiegħed jagħmel fihom. Dan hekk kif ħabbar il-Ministru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, Gvern Laburista se jkun investa kważi nofs miljun ewro f’kumpens finanzjarju xieraq għax-xogħol li wettqu fl-OSCE.
Dik hi d-differenza bejn amministrazzjoni Nazzjonalista u Gvern Laburista, minn amministrazzjoni li lanqas il-prinċipju bażiku li l-ħaddiema li jżommu Malta sigura u jservu lil pajjiżna, jitħallsu ta’ dak li jaħdmu u b’pagi friżati, għal Gvern li mhux biss bi ftehim kollettiv wara l-ieħor qed ikompli jsaħħaħilhom id-drittijiet, itejbilhom il-paga u jtihom l-aqwa kundizzjonijiet iżda anke qiegħed jassigura kumpens ġust u fil-ħin għas-sigħat żejda li jaħdmu fuq l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Dan hu prinċipju ta’ ħlas li daħħal Gvern Laburista fl-aħħar snin għall-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati.
Titjib li mhux se jieqaf, bl-allokazzjoni finanzjarja rikurrenti, jiġifieri dik li tkopri l-pagi u l-benefiċċji tagħhom, għas-sena d-dieħla hija l-akbar ta’ kull żmien. Bi ftehim kollettiv u żewġ ftehimiet settorali li ser jiġu ffirmati din is-sena, ser ikomplu jibnu fuq dawn il-kisbiet. Kemm dawk finanzjarji imma wkoll bl-aħjar għodda biex jaħdmu biha, kif spjega fid-diskors tiegħu l-Ministru Byron Camilleri fl-estimi Parlamentari tal-Budget 2025, filwaqt li għaddej investiment bla ebda preċedent f’dak li hu titjib fl-ambjent li jaħdmu fih.
Ċertament li dan kollu ta aktar dinjità lill-uffiċjali tagħna u wassal għal servizz aktar professjonali.