Gvern Laburista daħħal fis-seħħ bidliet fil-liġi li jippermettu persuni b’diżabilità li l-ġenituri jew il-familjari tagħhom jkunu fetħu fond fiduċjarju (trust fund) għalihom, jiġifieri fond ta’ tfaddil, meta l-persuni li fetħu l-kont imutu; l-persuni b’diżabilità jibqgħu jingħataw il-pensjoni xorta waħda.
Dawn il-bidliet fil-liġi daħlu fis-seħħ is-sena li għaddiet wara li l-Gvern laqa’ l-proposti tal-familjari ta’ persuni b’diżabilità li kienu inkwetati dwar il-ġejjieni tal-qraba li se jħallu warajhom.
B’rabta ma’ dan, it-Tnejn filgħodu ġiet organizzata sezzjoni ta’ informazzjoni biex il-qraba ta’ persuni b’diżabilità jitkellmu dwar l-effett li ħallew fuqhom dawn il-bidliet filwaqt li ngħataw aktar informazzjoni dwar il-bidliet fil-liġi.
Fl-indirizz tagħha, s-Segretarju Parlamentari għal persuni b’diżabilità, Justyne Caruana, qalet li dan il-Gvern qed jagħmel rivoluzzjoni sħiħa biex aktar persuni b’diżabilità jgawdu minn aktar drittijiet.