Gvern Laburista qed ikompli jsaħħaħ il-ħidma ta’ pajjiżna fil-ħarsien ambjentali u oqsma kruċjali għas-sostenibilità u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dan kien il-messaġġ li xpruna l-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, u l-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Thomas Bajada, fejn elenkaw ħemel ta’ miżuri li tħabbru f’dawn l-aħħar ġimgħat favur il-protezzjoni tal-ambjent.
Ewlenija fosthom, din il-ġimgħa fil-Parlament Malti ngħalaq it-tieni qari tal-abbozzi ta’ liġi li bihom se titwaqqaf l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar l-aħħar żviluppi fil-ħidma lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-qasam tal-enerġija. Fakkret kif f’dawn l-aħħar għaxar snin, pajjiżna naqqas l-emissjonijiet tas-settur tal-enerġija f’Malta b’60%. Dan filwaqt li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija f’pajjiżna telgħet minn 2% fl-2013 għal aktar minn 13.4% fl-2022.
Il-Gvern għaddej ukoll b’investiment bla preċedent biex pajjiżna jkollu aktar spazji miftuħa minflok bini. Fil-Fatt il-Ministru spjegat li, ftit jiem ilu, tħabbar li f’Ħal Luqa, Ħal Kirkop, Ħal Lija u San Ġiljan, erba’ siti tal-Gvern fiż-żoni tal-iżvilupp li setgħu ngħataw għall-bini, se jinbidlu f’ġonna ġodda għall-komunitajiet.
“Dawn huma proġetti li jingħaqdu ma’ ħafna oħrajn li qegħdin nagħmlu biex nirriġeneraw il-biodiversità naturali, filwaqt li nagħmlu spazji aktar aċċessibbli u siguri. Qegħdin nitkellmu dwar ġonna u spazji miftuħa b’sistemi sostennibli biex naħżnu l-ilma tax-xita, installazjoni ta’ enerġija rinnovabbli, fejn nużaw materjal riċiklat u ħafna aktar inizjattivi li huma sostennibli.”
Tfakkar ukoll kif il-ġimgħa li għaddiet, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-pjan għall-iżmantellar tal-impjant tat-tankijiet taż-żejt ta’ San Luċjan, li se jwitti t-triq għall-proġett ambjentali, li ngħata l-isem ‘Siċċa’.
Sadanittant, il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Thomas Bajada, enfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent, filwaqt li tingħata prijorità wkoll lill-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel f’Malta. Semma wkoll kif il-Gvern ra li joħloq miżuri nazzjonali li jixprunaw il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin, partikolarment ir-riforma tal-qbiela.
“Kemm hu importanti li naraw li l-agrikoltura u s-sajd ta’ pajjiżna jkunu sostenibbli biex l-ewwel nett nipproteġu n-natura u nipproteġu l-ambjent, però wkoll nassiguraw sors sigur ta’ ikel għal pajjiżna għall-Maltin, l-Għawdxin u l-Ewropej.”