Il-Gvern Laburista lbieraħ ħabbar tibdiliet fis-settur tal-kostruzzjoni bil-għan li jkompli jgħolli l-istandards u jistabilixxi responsabbilità ċara fis-settur u dan fl-interess ta’ terzi u l-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fuq is-sit.
Ftit sigħat biss wara, bħalma donnu ħa drawwa jagħmel il-Partit Nazzjonalista, qiegħed jagħżel li għal darba oħra jkun negattiv dwar dawn it-tibdiliet li se jkunu qegħdin iħarsu l-interess ta’ dawk affettwati.
Il-Partit Laburista jfakkar li filwaqt li l-gvern ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika riforma tal-kostruzzjoni, madankollu l-Partit Nazzjonalista kien għażel li ma jipparteċipax. Minflok għażel li jressaq mozzjoni mgħaġġla mingħajr ma kkonsulta l-istakeholders prinċipali konferma oħra ta’ kemm hija l-Oppożizzjoni li timpika dwar is-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fl-istess reazzjoni tiegħu l-Partit Nazzjonalista jibda mod u jtemm mod ieħor fejn, anke hawnhekk qiegħed jispiċċa jikkontradixxi lilu nnifsu fl-argument imressaq minnu stess. Il-Partit Nazzjonalista jagħżel li jibqa’ jinqeda bil-kunċett ta’ pjan ħolistiku biex ixekkel mill-implimentazzjoni kontinwa ta’ riformi.
Gvern Laburista ilu għal dawn l-aħħar xhur jimplimenta dak li ħaddieħor ma għamilx biex jipprovdi serħan il-moħħ lil kull min jista’ jiġi affetwat f’dan is-settur.
Dan il-Gvern bil-fatti qiegħed jaħdem b’mod konsistenti b’implimentazzjoni effettiva ta’ riformi inkluż dawk relatati mal-liċenzjar, l-assigurazzjoni u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Kif tenna l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, dawn l-interventi leġiżlattivi jsegwu diversi interventi oħrajn li saru fl-aħħar snin u jippreċedu oħrajn li fi żmien li ġej se jkunu qegħdin jiġu implimentati, kif imwiegħed ukoll fil-manifest elettorali Malta Flimkien.
Ir-reazzjoni tal-PN mhi xejn għajr konferma oħra tal-konfużjoni li jsib ruħu fiha l-Partit Nazzjonalista quddiem bidliet kuraġġużi minn dan il-gvern.
Quddiem dan kollu Gvern Laburista jibqa’ kommess li jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi biex jassigura li pajjiżna jibqa’ jkollu sistemi fis-seħħ li huma effettivi u effiċjenti fil-ħarsien tal-partijiet kollha involuti.