Skont l-aħħar stqarrija mill-Partit Laburista, Gvern Laburista rnexxielu jkompli juri l-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi billi naqqas id-defiċit fil-kaxxa ta’ Malta ferm aktar minn dak li kien qed ibassar.
Iċ-ċifri uffiċjali li ħarġu llum, li juru titjib ta’ €373 miljun fid-defiċit meta mqabbel is-sena l-oħra ma’ ta’ qabel huwa ċertifikat ta’ Gvern għaqli li qed ikompli jinvesti fil-familji u n-negozji u jamministra b’mod tajjeb il-fondi tal-poplu.
Dan ħareġ fi żmien meta l-Gvern għamel investiment rekord fis-soċjal u bdew jiġu implimentati għadd ta’ ftehmiet għall-ħaddiema li taw żidiet u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom. B’mod ewlieni l-edukaturi u l-ħaddiema kollha tas-servizz pubbliku.
Jiem ’il bogħod miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Laburista għal Jum il-Ħelsien, Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jibni fuq it-track record ta’ Gvernijiet Laburisti li taw il-ħelsien fis-sens wiesa’ li fisser il-ġid tal-Maltin. B’mod ewlieni l-ħelsien ekonomiku u l-kontroll tal-finanzi li jfisser li jkun il-poplu li jiddeċiedi x’jagħmel bi flusu għall-ġid ta’ ħutu Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt illum, quddiem sfidi ġeo-politiċi u diskors ta’ investiment fuq l-armi letali, Gvern Laburista qed jagħżel li minflok ikompli jinvesti fil-familji bl-akbar tax-cut fl-istorja, li tfisser €140 miljun fil-bwiet tal-familji, l-għaxar żieda fil-pensjonijiet, li tirriżulta li pensjonant qed jirċievi €70 aktar fil-ġimgħa minn dak li kien jaqbad għaxar snin ilu u żieda oħra qawwija u ferm aktar minn din imwegħda għal 62,000 tifel u tifla fiċ-children’s allowance. Dan flimkien mal-investiment kapitali favur it-tisħiħ tal-infrastruttura fil-pajjiż u setturi kruċjali oħra bħas-saħħa u l-edukazzjoni.
Għalhekk id-differenza hi aktar ċara minn qatt qabel. Ħaddieħor talab is-sagrifiċċji mill-poplu għax ma kienx kapaċi jamministra l-fondi pubbliċi biex iservu ta’ ġid u investiment fin-nies. Illum lanqas il-finanzi tal-partit tiegħu mhu kapaċi jamministra u lanqas joffri alternattiva għall-pajjiż tant li lanqas dokument ta’ qabel il-Budget ma kien lest jippreżenta għax kien ‘bla beef’.
Min-naħa l-oħra, Gvern Laburista qed ikompli jieħu deċiżjonijiet strateġiċi favur in-nies fosthom anki s-sussidju fuq l-enerġija u interventi li wasslu biex irnexxielu jimmodera l-inflazzjoni li kellna fl-aħħar 12-il xahar. Gvern Laburista għalhekk se jibqa’ jaħdem favur Malta b’ekonomija tal-futur li toħloq prosperità ġdida li tfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.