“Kull wegħda żammejniha u hekk ser nibqgħu nagħmlu jekk ningħataw fiduċja.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’intervista waqt attività politika f’Ħal Kirkop, fejn hawnhekk huwa kellu aħbarijiet sbieħ għall-għaqdiet kollha li jorganizzaw il-festi tradizzjonali fl-irħula u fl-ibliet tagħna.
Dan hekk kif tenna li fix-xhur li ġejjin il-festi se jkunu qed isiru kif nafuhom.
Ma naqasx kif fuq dan is-suġġet Dr Robert Abela jsemmi l-investiment massiċċ li għamel Gvern Laburista għal meta intervjena sabiex il-każini tal-banda jkunu propjetà tal-għaqdiet.
Hawnhekk huwa ħabbar li Gvern Laburista ġdid se jkun qed jgħin ukoll lil dawk l-għaqdiet li diġà xtraw il-każin u b’hekk ħadu t-titlu tiegħu.
“Meta sibna dik is-soluzzjoni, naturalment min kien laħaq xtara l-każin tiegħu jiġifieri dawk l-għaqdiet li kienu xtraw il-każin, ġew fuqna u staqsewna, imma aħna li forsi għandna bank loan jew ġemmajna biżżejjed biex stajna niffinanzjaw ix-xiri tal-każin tagħna, ħa nitħallew mingħajr għajnuna? U r-risposta tagħna kienet, le. Aħna rridu ngħinu lil kulħadd u għalhekk li se nkunu qed ngħinu anki lil min laħaq xtara l-każin tiegħu bi skemi adattati għal min huwa diġà sid tal-każin tiegħu.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’Ħal Kirkop il-Prim Ministru qal kif Gvern Laburista ma nesiex lil dawk li batew minn xi inġustizzja fil-passat u għalhekk taħt Gvern Laburista ġew imnedija bosta skemi b’investiment ta’ 66 miljun ewro sabiex issir ġustizzja magħhom.
Hawnhekk huwa qal ukoll li jekk jingħata fiduċja, Gvern Laburista ġdid se jkompli jindirizza inġustizzji oħra.
“Insemmi l-eks ħaddiema tat-TeleMalta hemm kawża li għadha pendenti dawk irridu nindirizzawhom, l-eks ħaddiema tal-MDD, tal-PBS, kollha li kellhom interessi li xi żmien jew ieħor ġew impattati b’mod negattiv. Insemmi lil dawk li kienu fl-iskema tal-istudent ħaddiem lura fis-snin illi wkoll hemm numru ta’ claims dwarhom li qed naraw ukoll kif nistgħu naslu għal ftehim dawrhom. Hemm ukoll l-eks membri tal-armata dak li twaqqfu bord tal-inġustizzji u ngħidilhom li se jkun hemm deċiżjoni dwar l-inġustizzji tagħhom.”
il-Prim Ministru Robert Abela
It-Tnejn filgħaxija anke fil-preżenza tas-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri, il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-aħbar mill-isbaħ tal-ftehim li ntlaħaq mal-kumpanija li tmexxi l-Freeport u li se jwassal għal inqas ħoss u inkonvenjet għan-nies ta’ Birżebbuġa.
Dr Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern u Partit Laburista li l-prezzijiet tal-enerġija fil-pajjiż se jibqgħu stabbli għall-familji u n0negozji Maltin u Għawdxin.
Ma naqasx li jagħmel referenza kif in-nies bdew jirċievu ċ-ċekkijiet.
Il-Prim Ministru semma s-sentiment pożittiv li qed jiltaqa’ miegħu fost in-nies, b’mod partikolari għall-proposti milll-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista u li jekk jingħata l-fiduċja qal kif dawn kollha se jwasslu għal futur isbaħ.
F’messaġġ pożittiv lil dawk preżenti l-Prim Ministru qal li vot lill-Partit Laburista huwa vot sabiex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem għal futur isbaħ.
“Dawk kollha li jibqgħu d-dar se jinterpretahom bħala vot ta’ fiduċja fih li jkun ifisser siġill t’approvazzjoni għall-politika tal-Partit Nazzjonalista li kienet waħda li fixklet f’kull riforma li għamilna f’dawn l-aħħar snin u għalhekk l-appell tiegħi lil kulħadd biex jiġbor il-vot u li fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu nagħtu deċiżjoni favur li dan il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem. Favur li nsaħħu l-pensjonijiet, favur li nsaħħu liż-żgħażagħ, lill-istudenti, nagħtu l-garanzija għat-tfal, id-diversi proposti – elf proposta li telqu minn mitt idea li tnebbħu min-nies. Konna pożittivi waqt pandemija, bqajna pożittivi sal-lum u hekk irridu nibqgħu.”
il-Prim Ministru Robert Abela