Il-Partit Laburista jinnota li l-Partit Nazzjonalista ma jitilifx l-okkażjoni biex jattakka s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna.
Gvern Laburista impenjat li s-servizz tas-saħħa jżid fl-effiċjenza u jtejjeb is-servizz lill-pazjent. Filwaqt li l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela elenka kemm-il darba lista ta’ soluzzjonijiet biex jindirizza sitwazzjonijiet li jiżviluppaw fis-settur tas-saħħa, l-ex Kap Nazzjonalista Adrian Delia jrid jiddeċiedi li meta jitkellem hux iħares l-interessi tal-pazjenti jew inkella l-interessi tiegħu bħala r-rappreżentant legali tal-klijenti tiegħu.
Huwa nqabad juża l-pożizzjoni tiegħu bħala Membru Parlamentari biex jaqdi lill-klijenti tiegħu, fosthom tas-sid tal-Isptar St Philip’s. L-unika soluzzjoni għas-sistema tas-saħħa skont Delia kienet li l-isptar St Philip’s jinbiegħ lill-Gvern. Dan huwa sptar fallut u bi €12-il miljun dejn, kif ikkonfermat mill-qrati dan l-aħħar.
Delia nkixef ukoll li uża l-privileġġ Parlamentari biex permezz ta’ mistoqsija parlamentari jistaqsi fuq kumpanija privata ta’ klijent tiegħu, li oġġezzjonat dwar kuntratt mogħti mill-Enemalta. Delia nqabad ukoll għaliex kien attakka x-xiri tal-impjant waste-to-energy bis-somma ta’ €600 miljun mill-Wasteserv meta hu r-rappreżentant legali ta’ konsorzju li tefa’ offerta li kienet tammonta għal €200 miljun iktar.
Delia huwa l-avukat ta’ Skanska li gawdiet minn waiver fuq il-konkos difettuż tal-Isptar Mater Dei, u fi żmien Gvern Nazzjonalista din il-kumpanija kienet iffrankat li tħallas l-ispejjeż għax-xogħol ħażin li wettqet.
Il-Partit Laburista ma jaqbilx mal-politika fqira u rħisa tal-Partit Nazzjonalista. Partit Laburista fil-Gvern ha jkompli jagħmel dak kollu possibli biex il-pazjent jibqa’ jiġi l-ewwel u jingħata l-aqwa servizz tas-saħħa akkost ta’ kollox.