Il-Partit Nazzjonalista qed jippersisti fil-gideb meta jitkellem dwar taxxa ġdida marbuta mal-fliexken tax-xorb. Il-Gvern ma ntroduċa l-ebda taxxa ġdida.
Stqarrija mill-Partit Laburista fakkret kif kien il-Partit Nazzjonalista dejjem kontra kull miżura mill-Gvern li tgħin lill-familji u n-negozji lokali.
Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jitkellem fuq l-għoli tal-ħajja, irid jiftakar x’għażel li jagħmel fuq l-iskema stabbiltà. Meta l-Gvern kien qed jinnegozja l-iskema stabbiltà, li kellha rwol importanti biex kienet imrażżna l-inflazzjoni, il-Partit Nazzjonalista tkellem għall-importaturi u mhux għall-konsumatur. Il-Gvern għażel lill-konsumatur.
Dwar is-sussidji tal-enerġija, il-Partit Nazzjonalista jitkellem biex jogħġob lill-Unjoni Ewropea u lil min irid irażżan l-għajnuna u mhux f’isem il-konsumatur. Il-Gvern għażel lill-konsumatur.
F’dan il-każ ukoll, u kif kien diġà ċċarat ferm qabel il-Partit Nazzjonalista ħareġ bir-retorika partiġġjana u populista tiegħu li m’għandiex mis-sewwa, il-Gvern kien diġà għamilha ċara ħafna li se jkun qed jinsisti li f’dan il-każ ukoll il-konsumatur ikun stmat aħjar. Anke jekk skema simili hija obbligu għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern se jara u jesiġi li l-konsumatur igawdi minn iktar rispett u servizz aħjar.
Gvern Laburista dejjem kien fuq in-naħa tan-nies. Għadu u se jibqa’. F’kull mument u fuq kull suġġett.
Finalment, infakkru lill-Partit Nazzjonalista li l-uniku bidla f’taxxa li kien hemm minn dan ix-xahar kienet dik fit-taxxa tal-income tax li naqset għall-ħaddiema kollha, biex il-ħaddiema Maltin iħallsu inqas taxxi. L-ebda gidba fuq taxxa ġdida mhu se jnessi dan il-fatt li l-Partit Nazzjonalista jdejqu ħafna.