Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru tkellem dwar il-kuraġġ li għandu l-Gvern biex jipproponi u jintroduċi bidliet, b’soluzzjonijiet għal problemi li ilhom magħna deċenji sħaħ.
Fost dawn hemm il-mekkaniżmu li bih se tissaħħaħ ir-rappreżentanza tas-sess l-anqas rappreżentat fil-Parlament.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Kien hemm bżonn il-kuraġġ biex tasal għaliha. Meta rajna n-numri rajna li mill-1947 sal-lum konsistentament ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament ma qabżet qatt l-14%.”
Bl-aktar b’mod skjett, Dr Abela tenna li din l-istatistika tpoġġina mal-Ungerija, l-aħħar fl-Ewropa, bl-inqas rata ta’ rappreżentanza femminili fil-Parlament.
Il-Prim Ministru wera d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li wara dan il-vot storiku fil-Parlament, Deputat Nazzjonalista ħareġ qatta bla ħabel kontra din il-liġi.
Dr Abela sostna: “Tista’ tibqa’ titkellem, tagħmel ir-rapporti, tikkummissjona l-istudji. Kif kienu jaħdmu ta’ qabilna, studji, rapporti, terġa’ tagħmel l-istudji u deċiżjoni ma titteħidx u b’hekk il-pajjiż kien waqa’ lura f’numru ta’ deċiżjonijiet kruċjali li kellhom bżonn jittieħdu.”
Bidla importanti oħra li se tidħol fis-seħħ hija dik tal-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995. Dr Abela spjega li se jara li l-proċess Parlamentari jkun wieħed spedit bil-għan li jserraħ moħħ aktar minn 10,000 familja milquta minn din il-liġi.
Il-Prim Ministru tenna: “Jien qed nittama li din il-ġimgħa stess nagħlqu t-tieni qari, jingħalaq id-dibattitu, immorru kumitat, ngħaddu għal vot sabiex dawk il-prinċipji li stabilixxejna jinqalbu f’liġi. Kif nista’ nkarkar saqajja meta għandek persuni li huma imdendlin li jiġu żgumbrati.”
Din il-ġimgħa wkoll, għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna nħatru erba’ mħallfin ġodda, li ntagħżlu bi proċess indipendenti u mingħajr l-involviment tal-politiku.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li l-Qrati jsiru aktar effiċjenti anki bis-saħħa ta’ ħatriet ġodda fi ħdanhom.
Huwa saħaq: “Tista’ tkun inti wettaqt reat għaxar snin ilu u ddum ħmistax-il sena biex tingħata sentenza meta tkun irriformajt ruħek kompletament u ħmistax-il sena wara tintbagħat sitt xhur ħabs. Għidli nistgħu aħna nagħlqu għajnejna u naċċettaw iżjed dawn ir-realtajiet?”
Il-Mexxej Laburista għamel referenza wkoll għall-ħatra tal-bord tal-awtorità l-ġdida li se tkun responsabbli mis-settur tal-kostruzzjoni.
Tenna li s-soluzzjoni mhix li trażżan is-settur iżda li tħallih jikber b’mod sostenibbli.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/18/progett-nibdewh-u-nlestuh-fil-hin-u-skont-il-budget-il-pm/