Ma nemminx f’politika ta’ attakki, iżda politika li fiha naqsmu u niddibattu l-ideat.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-attività politika f’Ħal Tarxien, fid-dawl li dan il-Gvern sab Oppożizzjoni Nazzjonalista negattiva li m’għandhiex ideat x’toffri għal Malta u Għawdex.
Qal kif, “Ejja ma noħolqux kunflitti fejn ma hemmx lok, fejn hemm dibattitu politiku ejja nagħmluh, fejn hemm pożizzjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jkunu ma jaqblux ejja niddibattuhom u niddibattu l-ideat, mhux nattakkaw, ma nemminx f’dik il-politika li nattakkaw lin-nies. Ejja niddiskutu l-ideat, naraw min għandu l-aqwa viżjoni u l-aqwa ideat.”
Il-Prim Ministru appella għas-sostenn tal-Oppożizzjoni quddiem dan iż-żmien kruċjali għal pajjiżna, speċjalment wara li kkritikat bi kliem dispreġġjattiv u arroganti lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci
Il-Prim Ministru qal kif din il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni wera biċ-ċar kemm huwa bla ideat u rnexxielu jagħmel reshuffle tar-reshuffle.
Qal, “Mur ġibhom kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet li kellna nieħdu aħna fl-aħħar xhur. Immaġinakom f’pandemija, ikun hemm nies li qed imexxu li jiddeċiedu li ma jiddeċiedu qatt.”
B’referenza għal intervista li kellu ftit jiem ilu Bernard Grech, Dr Abela qal li fiha wera kemm l-Oppożizzjoni m’għandha pożizzjoni fuq xejn u viżjoni ta’ xejn.
Dan għaliex skont il-Prim Ministru, fl-Oppożizzjoni m’hemmx għaqda.
Qal, “U għalhekk dan l-appell biex nibqgħu dejjem maqgħudin, l-għaqda. Mingħajr għaqda la tmexxi partit u wisq anqas pajjiż. U Għalhekk jien kburi li nmexxi grupp parlamentari u kabinett f’armonija ma’ xulxin.”