Il-Gvern Laburista qed jiffoka b’mod ħolistiku fuq il-ħajja ta’ dawk li jgħixu fil-faqar u li, f’ħafna każi, kienu maqbuda b’ċirku ta’ faqar li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Ministru Michael Farrugia qalu li l-Gvern qiegħed jittratta ir-raġunijiet għall-faqar fl-għeruq tiegħu, għaliex ħafna drabi dan ikun ġej minn nuqqas ta’ edukazzjoni, nuqqas ta’ impjiegi, u addizzjoni lejn il-benefiċċji soċjali.
Fit-tliet snin li għaddew, il-Gvern Laburista għamel xita ta’ miżuri fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fis-saħħa, u fl-għajnuna soċjali li qegħdin jirrendu riżultati.
Iżda dal-Gvern jagħraf li hemm faxx ta’ nies li għadhom mhux qed igawdu biżżejjed mill-ġid li nħoloq f’dawn it-tliet snin, saħansitra li l-opportunitajiet li jiggarantixxi l-Istat mhux qed jużawhom minħabba ċ-ċirkustanzi tagħhom. Fis-sentejn li ġejjin, inkluż fil-Baġit ta’ dis-sena, se jkun hemm spinta aktar qawwija biex, skont it-twemmin Laburista u skont l-impenji magħmula fil-Manifest Elettorali, tkun żgurata soċjetà u ekonomija ġusti u nklussivi.
Tkellmu wkoll dwar ċirku pożittiv – dak ta’ tkabbir ekonomiku b’rata ta’ 4.7% fis-sena u iżjed impjiegi b’rata ta’ 2.5% kull sena li ħoloq il-Gvern Laburista qed ifisser aktar ġid fis-soċjetà.
Meta mqabbel mal-aħħar tliet snin tal-Gvern preċedenti, fl-ewwel tliet snin ta’ dan il-Gvern id-dħul gross tal-impjegati Maltin kiber bi kważi 4.6% ras għal ras, jiġifieri b’madwar €230 fis-sena.
Il-Gvern jemmen li ekonomija kompetittiva u sostenibbli fuq naħa u soċjetà inklussiva fuq l-oħra, huma riċetta rebbieħa.
Taħt gvern preċedenti, ir-rata ta’ faqar u esklużjoni soċjali telgħet minn 20.6% fl-2010 għal 23% fl-2012, u r-rata ta’ deprivazzjoni materjali kibret minn 15% għal kważi 20% fl-istess perjodu.
Taħt Gvern Laburista waqt li r-rata tal-faqar monetarju kibret ftit, in-numru ta persuni meqjusa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas b’kwazi 5 fil-mija, waqt li n-numru ta persuni meqjusa bħala materjalment imċaħda naqas b’madwar 21 fil-mija.
Taħt dal-Gvern, it-trend ta’ żieda fil-faqar, esklużjoni soċjali u deprivazzjoni ġiet stabilizzata jew imnaqqsa, b’kuntrast ma’ dak li ġara fl-Unjoni Ewropea u fl-Ewrozona fejn ir-rati baqgħu telgħin.
Il-Gvern qiegħed jisma’ mis-Soċjetà Ċivili. F’konferenza msejjħa mid-Deputat Prim Ministru, il-Gvern se jisma’ kif iħarsu lejn il-problema, u jesplora magħhom xi soluzzjonijiet.