Fl-intervista l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal kif dan il-Gvern għamel rekord ta’ liġijiet li saħħew is-saltna tad-dritt.
Saħaq li rakkomandazzjonijiet li kienu ilhom isiru s-snin, inkluż minn deputati tal-Partit Nazzjonalista meta kienu fil-Gvern, għamilhom realtà Gvern Laburista u l-istess se jkompli jagħmel fiż-żmien li ġej, inkluż b’rabta mal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dr Abela sostna, “Ikkonkludejna l-proċess ta’ konsultazzjoni li għamilna, ikkonkludejna l-abbozzar ta’ liġijiet konsegwenti għall-inkjesta puibblika u fil-jiem li ġejjin se nniedu proċess biex il-kumitat ta’ esperti għas-settur ġurnalistiku li rrakomandat l-inkjesta pubblika se nkunu qed inniduh mill-Membri li huma stabbiliti diġa’ għal dak il-bord, it-termini tar-rapport, imma issa għax il-kap tal-oppożizzjoni jaf li se nagħmlu hekk allura qal m’għamlu xejn u se nkun jien li nagħti s-soluzzjoni. Dan logħob li ma jurix maturità politika.”
Fl-istess intervista, il-Prim Ministru ġab fix-xejn l-argument tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li dan il-Gvern raqad fejn tidħol din l-inkjesta.
Dr Abela rrimarka, “Meta fil-jiem li ġejjin se naħtru formalment dan il-kumitat t’esperti se ngħaddulu wkoll l-abbozzi ta’ liġijiet diversi li lestejna, jagħtina dan il-kumitat il-feedback lura tiegħu imbagħad nikkunsidrawha flimkien u nkunu nistgħu nressquha quddiem il-Parlament.”
Il-Prim Ministru semma wkoll il-liġi Anti-SLAPP, li se tipproteġi lill-ġurnalisti minn attakki strateġiċi li jsiru kontrihom biex issikket il-vuċi tagħhom.
Semma wkoll iż-żieda fil-pieni għal min jattakka ġurnalist u anke t-taqsima fi ħdan il-korpi dixxiplinati biex tipproteġi lill-ġurnalisti.
Il-Prim Ministru temm jgħid li m’hemmx dubju li dan se jkun il-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-governanza f’pajjiżna.